Lokali Qorti

Żewġ Bulgari kundannati 11-il sena ħabs bejniethom fuq frodi ta’ ATM Cards

Żewġt irġiel Bulgari ġew kundannati 11-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Joe Mifsud li iffrodaw lil diversi persuni meta poġġew tagħmir ta’ ATM’s għad-dannu ta’ diversi persuni. Huma nstabu ħatja li serqu aċċess u data permezz ta’ ‘camera’ moħbija u dan għal gwadan personali tagħhom.

Biex inqabdu jeżegwixxu dawn l-attakki l-Pulizija Maltija kienet mgħejjuna mill-EUROPOL fejn ħafna mill-investigazzjoni kienet waħda konġunta. Polihronov Spas Georgiev ta’ 44 sena u Kitanchev Blagoy Zhorov ta’ 36 sena nstabu ħatja li huma membri ta’ għaqda ta’ kriminalità organizzata u li ġew Malta biex iwettqu frodi.

L-Awtoritajiet Maltin kienu infurmati mill-awtoritajiet Bulgari li ż-żewġt irġiel kienu magħrufa mal-pulizija għat-teknika biex jisirqu mill-magna tal-ATM tal-banek wara li nqabdu jagħmlu dan fil-Vjetnam fl-2013.

Il-pulizija Maltija kienu qabduhom f’lukanda f’San Ġiljan fejn sabulhom diversi oġġetti li jintużaw biex iwettqu dan ir-reat fis-16 ta’ Diċembru tal-2017. Zhorov waħdu nstab ħati li li kellu fil-pusses tiegħu oġġetti li jintużaw biex jitwettaq frodi.

L-apparat li ntuża kien jiddaħħal fix-xaqq tal-ATM, li dan imbagħad jaqra l-informazzjoni kollha ta’ dawk li jkunu wżawha wara li kienu daħħlu l-PIN number.

l-Pulizija kienet infurmata minn qabel li dawn l-irġiel kienu se jaslu Malta fuq titjira tal- Wizz Air, u kellhom informazzjoni li kienu se jaqbdu l-catamaran għal Sqallija biex imbagħat jagħmlu dawn l-atti f’Napli.

Madankollu minn aktar stħarriġ li sar mill-Pulizija, l-Bulgari ma xtraw ebda biljett biex imorru Sqallija u baqgħu Malta, fejn wettqu l-attakki.
Il-Bulgari dejjem ċaħdu l-akkużi miġjubin kontrihom fejn Kitanchev kien qal li l-apparat li nstab fil-pusses tiegħu kien ta’ ħabib tiegħu li sellfu l-bagalja. Polihinorov qal lill-Pulizija li huwa ġie Malta biex jiċċelebra għeluq sninu mal-ħabib tiegħu u ċaħad li huwa kien spiċċa arrestat fil-Vietnam.

Il-Maġistrat Mifsud osserva li kien hemm l-elementi kollha preżenti ta’ assoċjazzjoni u nnota li l-Bulgari ġew Malta biex iwettqu pjan li kien miftiehem barra l-pajjiż.

Filwaqt li wieħed mill-irġiel qal li ġie Malta biex jiċċelebra għeluq sninu mal-ieħor, sieħbu qal li kien wasal Malta wara li sab titjira bl-irħis, fejn lanqas biss semma xi ċelebrazzjonijiet ta’ ‘birthday’ qalet il-Qorti.

Il-Maġistrat Mifsud ma emminx dak li qal Georgiev u qal li dan kellu fil-pusses tiegħu informazzjoni fuq 59 vittma potenzjali. Zhorov mar sitt snin ħabs filwaqt li Georgiev ġie kundannat ħames snin. Huma ġew ordnati wkoll iħallsu €3,101 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia.