Il-perċezzjoni tal-pubbliku Malti dilettant tal-futbol lokali dejjem tkun li l-attendenzi fil-Kampjonat Premier qed jonqsu aktar ma jgħaddi l-ħin u hemm bżonn isir xi ħaġa biex isir titjib f’dan l-aspett. F’tal-aħħar naqbel li għandu jsir ħafna iktar biex l-esperjenza tal-ispettatur titjieb, iżda fatt interessanti hu li għal darba oħra ġiet reġistrata żieda fl-attendenzi fi tmiem l-ewwel rawnd.
It-total tal-attendenzi fi tmiem l-ewwel rawnd, b’eċċezzjoni tal-logħba bejn Mosta u Gudja United li tintlagħab l-Erbgħa li ġej wara li kienet posposta, hi ta’ 46,522 spettatur. Din iċ-ċifra tinkludi attendenza żgħira tas-Super Cup tan-nisa bejn Birkirkara u Mġarr United, logħba li ntlagħbet wara l-konfront bejn Birkirkara u Sirens.
Dan it-total ta’ 46,522 ifisser żieda ta’ 6,973 spettatur minn tmiem l-ewwel rawnd fl-istaġun li għadda, jew żieda ta’ 17.6% minn dan iż-żmien fl-istaġun li għadda. B’medja ta’ 90 logħba li ntlagħbu fl-ewwel rawnd (mingħajr Mosta v Gudja United), il-medja ta’ ta’ spettaturi f’kull logħba hi ta’ 517 spettatur, li jekk tinqasam bejn iż-żewġ timijiet f’kull logħba hi 259 spettatur kull tim.
L-attendenzi f’dan l-istaġun
Dan hu t-tielet staġun li l-kampjonat qed jintlagħab bil-format ta’ 14-il tim u b’żewġ rawnds għal total ta’ 26 logħba bi 13-il logħba kull rawnd. Fl-istaġun 2017/18 jiġifieri l-ewwel staġun b’dan il-format, l-attendenza fi tmiem l-ewwel rawnd kienet ta’ 39,086.
Fl-istaġun li għadda kien hemm żieda marġinali ta’ 39,549. B’hekk f’dan l-istaġun kien hemm qabża pożittiva li xorta ma nqisx li wieħed għandu jifraħ ħafna biha. Iżda dejjem aħjar li jkun hemm żieda milli jkomplu jonqsu n-numri.
Fl-aħħar staġuni u bħal dak li jseħħ normalment, l-attendenza fit-tieni rawnd tiżdied, u għalhekk qed inbassar li ntemmu l-istaġun b’żieda globali mill-istaġun li għadda. Il-medja ta’ 517 spettatur f’kull logħba fl-ewwel rawnd hi aktar mill-medja ta’ 469 spettatur fl-istaġun li għadda u 454 spettatur żewġ staġuni ilu.
L-akbar attendenza f’dan l-istaġun reġgħet kienet il-logħba bejn Valletta u Floriana li flimkien mal-logħba ta’ qabilha bejn Gudja United u Santa Lucia kien hemm attendenza totali ta’ 3,737 spettatur. B’kollox kien hemm 16-il attendenza li qabżu l-1,000 spettatur, b’erba’ minnhom jaqbżu l-2,000 spettatur. Minbarra d-derby bejn Valletta u Floriana, it-tliet logħbiet l-oħra jinvolvu kollha lil Valletta.
Dawn huma Birkirkara v Valletta flimkien ma’ Senglea Athletic v Ħamrun Spartans fil-ħames ġurnata, Valletta v Hibernians flimkien ma’ Tarxien Rainbows v Sirens fit-12-il ġurnata u Ħamrun Spartans v Valletta flimkien ma’ Sliema Wanderers v Floriana fit-13-il ġurnata tal-kampjonat.
Tqabbil mal-aħħar żewġ staġuni
Id-derby bejn Valletta u Floriana jibqa’ l-aktar konfront mistenni fil-futbol Malti. Fl-ewwel rawnd tal-istaġun 2017/18, dan il-konfront attira 3,681 spettatur u fit-tieni rawnd kien hemm 4,269. Fl-istaġun li għadda, total ta’ 3,541 spettatur attendew għal dan il-konfront u fit-tieni rawnd kien hemm 3,674 spettatur. L-attendenza ta’ dawn il-logħbiet tinkludi logħba oħra fil-programm iżda hu evidenti li l-ammont tal-attendenza hi kkonċentrata fuq din il-logħba.
Fl-istaġun 2017/18, kien hemm total ta’ erba’ logħbiet li qabżu l-attendenza 2,000 spettatur. Inċidentalment jinvolvu l-istess erba’ konfronti li qabżu l-2,000 spettatur, jiġifieri l-konfronti ta’ Valletta kontra Floriana, Ħamrun Spartans, Hibernians u Birkirkara rispettivament. Total ta’ seba’ logħbiet qabżu l-attendenza ta’ 1,000 spettatur.
Fl-istaġun li għadda, kienu tmienja l-konfronti li qabżu l-attendenza ta’ 1,000 spettatur, iżda tlieta kienu l-konfronti b’aktar minn 2,000 attendenza. Dawn huma Valletta v Floriana flimkien ma’ Qormi v Ħamrun Spartans, Birkirkara v Valletta flimkien ma’ Ħamrun Spartans v St. Andrews u Gżira United v Valletta.
Fatt pożittiv hu li f’dan l-istaġun fi tmiem l-ewwel rawnd, l-attendenzi li qabżu l-1,000 spettatur kibru għal 16. Minn dawn, seba’ attendenzi minnhom kienu jinvolvu lil Floriana li bħalissa qed jokkupaw l-ewwel post fil-klassifika.
Kif jistgħu jiżdiedu l-attendenzi?
Fl-aħħar snin tkellimt diversi drabi u għidt l-opinjoni tiegħi dwar x’jista’ jsir biex jiżdiedu l-attendenzi. L-apatija tal-pubbliku għadha teżisti fejn irridu għaliex fosthom meta Malta lagħbet kontra Spanja, l-Istadium Nazzjonali kien mimli nies. Imma l-avversarju kien attraenti u għalhekk l-iskużi kollha li l-prezz għoli, li l-istadium distakkat, it-traffiku, il-ħin tal-logħba, il-logħba li tintwera dirett eċċ waqgħu għal dakinhar.
Fl-aħħar xhur kien hemm referenza għaliha u nħoss li wasal iż-żmien biex l-MFA flimkien mal-klabbs idaħħlu l-kunċett tal-‘home’ u ‘away’, jiġifieri li t-tim li jkun imniżżel ‘home’ jorganizza l-logħba hu, b’divertiment mill-klabbs qabel, waqt u wara l-logħba. Dan biex anki tidħol rivalità ta’ min hu kapaċi jorganizza u l-esperjenza tal-logħba titjieb.
Hawn irrid insemmi dwar il-mużika li tindaqq bħalissa fl-Istadium Nazzjonali. L-ewwel punt hu li l-mużika speċjalment fl-aħħar tal-logħba tkun għolja wisq. Jien staqsejt x’inhi r-raġuni u qaluli li minħabba li xi logħbiet ikunu diretti, il-mużika żżomm id-dehra tal-kampjonat.
Apparti li speċjalment f’logħbiet jaħarqu ikun hemm ir-rivalità taż-żewġ timijiet (li mhux dejjem ikun bi kliem xieraq), iżda tal-anqas inħoss li għandu jkun hemm mużika tajba li tindaqq fl-istadium li nies ikunu jistgħu jkantaw magħha. U anki meta jiskorja xi ħadd, naħseb li għandu jsir esperiment li tibda tindaqq mużika partikolari, kif isir fi stadiums barra minn Malta. Affarijiet żgħar li jekk ma jżidux l-attendenzi, tgħin fl-esperjenza tal-ispettaturi.
//= $special ?>