Lokali

Adrian Delia jitlob formalment li Karl Cini jkun investigat

"Il-poplu Malti xeba' mill-paroli, il-ħabi u l-gideb" - Adrian Delia

“Il-poplu Malti xeba’ mill-paroli, mill-ħabi u mill-gideb.”

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llum ressaq denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex immedjatament jinvestigat lil Karl Cini ta’ Nexia BT.

Dan wara li fir-rapport tal-inkjesta dwar Egrant ħareġ biċ-ċar mill-provi dokumentarji li jista’ jkun hemm prima facie ġurament falz min-naħa ta’ Karl Cini.  

Adrian Delia qal li l-Gvern u l-Ministri fosthom id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Konsulent f’Kastilja d-Deputat Robert Abela, li jridu li jsiru l-Prim Ministru l-ġdid ta’ pajiżna, ilhom xhur sħaħ jafu bil-kontenut u x’ħareġ mir-rapport tal-inkjesta dwar Egrant iżda baqgħu ma għamlu xejn. Minflok ipproteġġew il-kriminalità u raw li l-verità ma toħroġx.  

Il-Ħadd li għadda f’Ħal Tarxien, Adrian Delia ta 48 siegħa biex Karl Cini ta’ Nexia BT jiġi investigat. L-awtoritajiet ilhom xhur joqogħdu lura milli jinvestigaw lil Karl Cini, minkejja li fir-rapport dwar Egrant il-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda li dan jiġi investigat, u minkejja li għal xhur sħaħ dan ir-rapport kien f’idejn il-kabinett kollu, ma ttieħdu l-ebda passi.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsab determinata li fl-aħjar interess tal-poplu kollu, toħroġ lill-pajjiżna mill-kriżi li daħħalna fiha l-Gvern Laburista biex issir il-ġustizzja u l-Maltin u l-Għawdxin ikunu jafu l-verità.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, u l-firmatarji tad-denunzja d-Deputati Parlamentari tal-PN Karol Aquilina u Jason Azzopardi.