Lokali

AĠĠORNATA: 24 persuna arrestata wara rewwixta oħra f’Ħal Safi

Erbgħa u għoxrin persuna ġew arrestati wara li kienu identifikati li ħadu sehem f’rewwixta li saħħet it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tas-7.30 ġewwa s-Safi Barracks, f’Ħal Kirkop.

Permezz ta’ stqarrija l-pulizija qalu li fil-post marru minnufih membri tal-RIU hekk kif ġew innutati persuni ġewwa l-Barracks b’wiċċhom mgħammad ikissru filwaqt li ma bdewx jobdu l-ordinjiet tal-uffiċjali tad-Detenzjoni.

Intqal li l-istess persuni bdew jaqilgħu l-knaten minn mal-bini u jwaddbu biċċiet minnhom lejn l-uffiċjali, filwaqt li għamlu diversi ħsarat anki fid-dormitarji u l-kamra tad-Detenzjoni.

Fuq il-post marru wkoll tim mediku sabiex tingħata l-għajnuna neċessarja f’każ ta’ xi ġrieħi.

Il-pulizija qalu li dawk arrestati qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali fil-Floriana għal aktar stħarriġ, u mhux eskluż li jitressqu b’arrest aktar tard mal-jum.

Dan il-każ mhux wieħed iżolat wara d-diversi protesti, xi minn daqqiet vjolenti, li kien hemm fiċ-ċentri li jospitaw lill-immigranti fl-aħħar xhur tal-2019.