Lokali

Chris Fearne ikompli jitlef l-appoġġ fost botti kontinwi bejnu u Abela

Hekk kif il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista qed tidħol fl-iktar fażi ħarxa tagħha, b’botti kontinwi bejn Robert Abela u Chris Fearne, jidher illi dan tal-aħħar qed jitlef l-appoġġ bil-kbir.

Dan hekk kif, l-aħħar stħarriġ intern li sar fi ħdan il-Partit Laburista u li gie zevlat mit-Times, juri li mill-aħħar stħarriġ Chris Fearne tilef madwar 10% tal-appoġġ.

Jidher li fil-mument għaddej ukoll stħarriġ ieħor li mistenni jkompli jikkonferma din ix-xejra ta’ bidla fl-appoġġ favur Robert Abela, li madankollu għadu fi żvantaġġ. Dan għaliex l-aħħar stħarriġ juri li Chris Fearne xorta waħda għadu jgawdi l-maġġoranza ta’ 58% tal-voti, kuntrarju għat-42% ta’ Robert Abela.

Madankollu wieħed irid jara jekk hux tard wisq għal Robert Abela, hekk kif l-Erbgħa ssir il-votazzjoni bikrija, waqt li l-elezzjoni ssir nhar is-Sibt li ġej.

L-aħħar sigħat kienu xhieda ċara tal-pressjoni li t-tim ta’ Chris Fearne qed iħoss fuqu. Tant hu hekk li saħansitra kien affaċċjat minn allegazzjonijiet ta’ tbagħbis fil-listi tal-voti.

Fid-dawl ta’ dawn l-akkuzi ħraxu l-attakki fil-konfront ta’ Robert Abela. Fost l-oħrajn minn Mark Camilleri, Delegat tal-Partit Laburista u sostenitur ta’ Chris Fearne, li f’intervista mal-Corriere di Malta ddikjara li x-xellugin fil-Partit Laburista jridu jieħdu l-poter u jdaħħlu bidla radikali fil-pajjiż.

Camilleri, li hu wkoll Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, għamel sensiela ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Robert Abela.

Fost l-oħrajn iddikjara li dan qatt ma kellu jikkontesta – anzi, messu ġie skreditat diġa’ għax skont hu ġej minn dinastija li mingħaliha l-pajjiż hu tagħha u li tista’ tagħmel li trid.