Lokali

Dalli jgħid li għamel diversi rapporti lil John Rizzo li qatt ma ġew investigati

Jidher li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli ħassu urtat mhux ftit bit-testimonjanza li ta fil-Qorti llum John Rizzo, eks Kummissarju tal-Pulizija. Dan hekk kif Dalli issemma minn Rizzo meta mistoqsi fuq l-investigazzjonijiet li saru fi żmienu, wara r-Rapport tal-OLAF.

F’ittra lill-media, John Dalli qal li ħafna minn dak li qal Rizzo taħt ġurament mhuwiex minnu. Bħal per eżempju meta qal li hu [Rizzo] kien jinvestiga kull rapport, anke jekk anonimu.

John Dalli insista li fil-passat kien għamel diversi rapporti li għadda lil John Rizzo, iżda dwarhom Rizzo ma għamel xejn.

Dalli ċaħad ukoll illi hu kien wasal lura Malta l-għada li Rizzo irriżenja mit-tmexxija tal-Pulizija. Skont John Dalli, il-verita’ hi li hu kien irritorna fis-6 t’April 2013, ġimgħa qabel ir-riżenja ta’ Rizzo.

Fl-ittra lill-media John Dalli insista li għalissa mhux se jgħid aktar dettalji.