Futbol Sport

De Rossi jirtira mill-futbol fl-eta’ ta’ 36 sena

(Ritratt: EPA)

L-eks midfielder ta’ Roma u Boca Juniors, Daniele De Rossi ddeċieda li jirtira mill-futbol wara karriera twila u ta’ suċċess. F’kummenti mal-media internazzjonali, it-Taljan stqarr li din d-deċiżjoni mhix minħabba li m’għadux iħossu tajjeb fiżikament iżda għaliex xtaq jirritorna lura pajjiżu minħabba li jħoss in-nuqqas tal-familjari. De Rossi kompla li hu jinsab imdejjaq li kellu jieħu din id-deċiżjoni iżda jħoss li għandu bżonn ikun viċin il-familja tiegħu.

Daniele De Rossi lagħab 616–il partita ma’ Roma qabel f’Lulju li għadda ngħaqad ma’ Boca Juniors fuq kuntratt ta 18–il xahar, kuntratt li jintemm fi tmiem l-istaġun fl-Arġentina. Sfortunatament De Rossi ddeċieda li jtemm ħesrem l-esperjenza tiegħu fl-Arġentina. Hu lagħab sitt darbiet biss għal Boca Juniors, f’esperjenza li kienet mtappna minn injuries. Tul il-karriera tiegħu huwa rebaħ darbtejn il-Coppa Italia u darba is-Supercoppa Italiana.

Il-midfielder kien strumentali fl-iskwadra ta’ Marcello Lippi lura fl-2006 meta l-Italja rebħet it-Tazza tad-Dinja fil-Ġermanja. Mat-tim nazzjonali Taljan, De Rossi lagħab 117–il darba. Minkejja li rtira mill-futbol milgħub it-Taljan jittama li ma jdumx ma jerġa’ jidħol fix-xena kalċistika bħala kowċ.