Lokali

Ħadd ma jrid iwieġeb dwar it-traffikar tal-armi

Il-Gvern Malti għadu kompletament sieket dwar rapport ta’ għaqda internazzjonali li żvelat il-possibbiltà li l-ispazju tal-ajru ta’ Malta qed jintuża għat-traffikar tal-armi lejn il-Libja, bi ksur tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dan joħroġ minn investigazzjoni tal-għaqda mhux governattiva C4ADS li jikxef diversi titjiriet mit-Turkija lejn il-Libja, billi għaddew minn fuq Malta.

Ir-rapport jindika li fl-aħħar xhur mill-ispazju tal-ajru Malti ripetutament kienu, u aktarx għadhom, qed jgħaddu diversi ajruplani waqt li joperaw titjiriet suspettużi, li aktarx saħansitra kienu qed iwasslu l-armamenti lejn il-Libja bi ksur tas-sanzjonijet internazzjonali.

Mir-riċerka li saret jirriżulta li l-grupp GASC ripetutament jikri ajruplani chartered mingħand kumpaniji li nstabu li kisru sanzjonijiet differenti, tant li wħud minnhom saħansitra ġew blacklisted.

Dan il-grupp uża l-ajruplan ajruplani għal ammont mhux identifikat ta’ titjiriet lejn il-Libja, fosthom titjiriet mit-Turkija lejn il-Libja u fi żmien meta n-Nazzjonijiet Uniti kienet diġa’ imponiet diversi sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż.

Minkejja li mhux magħruf x’kien hemm abbord dawn it-titjiriet, jitqajmu diversi dubji u suspetti li dawn kienu intenzjonati biex jissuplixxu lill-milizzji Libjani bl-armamenti.

Wara li njora l-mistoqsijiet tagħna, f’email lill-Ministeru tiegħu, Net News staqsa direttament lill-Ministru Carmelo Abela dwar din il-kwistjoni. Hu qal li l-email ma rċevijiet…. minkejja li l-provi juru mod ieħor.

Ippressat mill-mistoqsijiet, hu qal li m’għandux informazzjoni dwar dan.

Net News bagħat ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Intern.