Qawwiet alleati mal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, qalu li kienu qed jirtiraw mill-belt strateġika ta’ Sirte biex jevitaw ‘sensiela ta’ imwiet’ f’dik iz-zona. Dan wara li l-ġellieda rivali tal-Armata Libjana tal-Lvant kienu daħlu u ħadu kontroll ta’ din il-belt maġenb il-kosta.
F’każ li l-Ġeneral Khalifa Haftar, bħala l-Kap tal-Armata tal-Lvant, jirnexxilu jikkonsolida l-kontroll ta’Sirte, dan għandu jitqies bħala kisba kbira, minn lat militari. Dan meta l-qawwiet ta’ Haftar ilhom minn April imexxu offensiva fuq il-kapitali Libjana Tripli li sservi bħala bażi għall-Gvern ta’ Haftar.
Il-belt ta’ Sirte tinsab lejn il-punent tat-terminals taż-żejt ewlenin fil-Libja li wkoll huma kontrollati mill-ġellieda ta’ Haftar. Fl-istess ħin, Sirte tinsab f’zona ta’ importanza strateġika li tinkludi r-rotot għall-movimenti ta’ provvisti lejn l-inħawi tal-lvant, il-punent u n-nofsinar tal-Libja.
L-avvanzi tal-Armata ta’ Haftar qed isiru meta t-Turkija qed taħseb biex tibgħat il-konsulenti u esperti militari biex isaħħu lill-qawwiet tal-Prim Ministru Sarraj. Sadanittant, il-Qawwa għall-Protezzjoni ta’ Sirte (alleata ta’ Sarraj) iddeċidiet biex tirtira sal-inħawi fil-limiti tal-belt u tistenna aktar direttivi. Il-kelliema, f’dan il-każ, għamluha ċara li l-irtirar ‘ma jfissirx it-tmiem tal-preżenza ta’ din il-Qawwa f’Sirte’.
L-Armata ta’ Haftar, sigħat qabel, kienet qalet li rnexxielha tokkupa Sirte permezz ta’ movement militari rapidu li kien appoġġjat mill-qawwiet tal-ajru. Dan meta Sirte kienet ilha kontrollata mill-ġellieda alleati mal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali mindu huma keċċew lit-terroristi tal-ISIS mill-belt ( bl-għajnuna tal-qawwiet tal-ajru Amerikani) fl-aħħar xhur tal-2016.
Intant, il-kelliema għall-Qawwa għall-Protezzjoni sostnew li l-irtirar mill-belt sar prinċipalment ‘biex isalvaw il-ħajja ta’ ċivili u ż-żgħażagħ mal-istess qawwa’.
Huma żiedu li l-ġellieda ma’ Haftar kellhom l-għajnuna minn ‘entitajiet fil-qalba tal-belt ( sleeper cells)’ fl-isforzi tagħhom biex jieħdu l-kontroll f’Sirte. Dan waqt li s-sorsi qrib din il-Qawwa akkużaw lill-ġellieda ta’ Haftar b’li taw in-nar lil diversi djar wara li daħlu f’din il-belt matul il-lejl tat-Tnejn. Min-naħa tagħhom, il-membri tal-Armata Libjana tal-Lvant qegħdin jiċħdu li wettqu xi reati kontra l-popolazzjoni ċivili f’Sirte.
//= $special ?>