Lokali

Il-lista ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw irduppjat fi ftit ġranet

L-Erbgħa jkun hemm l-early voting

17,500 membru tal-Partit Laburista se jkunu eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid u leader tal-Partit Laburista li se ssir nhar is-Sibt li ġej.

Qabel ma bdiet din it-tellieqa għal-leadership, kienu madwar 10,000 dawk eliġibbli li jivvutaw. Dan ifisser li fi ftit jiem biss, il-lista kważi rduppjat.

Se jkun hemm post wieħed f’kull distrett elettorali fejn it-tesserati Laburisti se jkunu jistgħu jivvutaw. Il-votazzjoni tibda fit-8 ta’ filgħodu u tibqa’ sejra sat-8 ta’ filgħaxija. Hekk kif jagħlqu l-postijiet ta’ votazzjoni, il-kaxxi jiġu trasportati lejn iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn hemmhekk se jkun qed isir l-għadd tal-voti.

Huwa mistenni li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu jitħabbar il-Mexxej ġdid tal-Partit Laburista.

L-Erbgħa se jkunu qed jivvutaw l-early voters fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Il-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista illejla rat liż-żewġ kandidati għal din l-elezzjoni, lill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u lid-Deputat Robert Abela jduru ma’ dawk preżenti qabel ma bdiet il-konferenza.

Mal-wasla tiegħu, il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat intlaqa’ b’ċapċip minn dawk preżenti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef appella lil dawk preżenti biex tirrenja l-għaqda bejn il-partitarji Laburisti f’din it-tellieqa għal-leadership. Dan fid-dawl li hekk kif ninsabu fl-aħħar ftit jiem qabel ma jkun magħruf min se jieħu s-siġġu tal-poter minflok Joseph Muscat… il-gwerra interna fil-Lejber qed tkompli tiħrax.

Il-ftuħ tal-Konferenza quddiem sala vojta