Lokali

“Il-Prim Ministru caretaker”

Minkejja li bħalissa pajjiżna jinsab għaddej minn kriżi ta’ kollass fl-istituzzjonijiet, il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat iddeċieda li jqatta’ parti kbira mill-ftit ġranet li fadallu fil-kariga, barra minn xtutna. Dan hekk kif f’dawn l-aħħar sitt ġimgħat għażel li jimbarka fuq erba’ btajjel flimkien mal-familja tiegħu.

L-editorjal ta’ The Malta Independent intitolat ‘The jet-setting caretaker Prime Minister’, jagħti ħarsa lejn dawn iż-żjarat ta’ Muscat… u d-diversi mistoqsijiet li tqajmu.

L-ewwel żjara tiegħu kienet lejn il-belt tal-Vatikan, fejn għall-bidu kienet se tkun żjara uffiċjali iżda minħabba dak kollu li kien għaddej f’pajjiżna, fosthom ir-rivelazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, inbidlet għal żjara privata. Dan filwaqt li fl-istess żjara l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, ħassar laqgħa ufficjali li kellu ma’ Muscat.

Wara din is-safra, huwa attenda laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Għal-lejliet il-Milied Joseph Muscat għażel li jagħmel mawra sa Betlehem flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela. Iżda din ma kinitx l-aħħar safra… kien għad fadal tnejn oħra.

Imbghad kien imiss Dubaj – mawra li qajmet kontroversja kbira hekk kif sirna nafu li ntefqu eluf ta’ ewro biex Muscat u l-familija tiegħu jqattgħu biss madwar 55 siegħa f’dan il-pajjiż.

L-aħħar żjara tiegħu kienet f’Londra… żjara li wkoll qajmet diversi mistoqsijiet dwar l-intenzjoni vera tagħha. Dan hekk kif sar magħruf li Muscat kellu laqgħa ma’ Saad Djebbar, li hu wieħed mill-iktar avukati rinomati fid-dinja.

L-editorjal jgħid li Muscat għandu immedjatament jippubblika l-ammont ta’ flus li ntefqu għal dawn is-safriet mit-taxxi li jħallas il-poplu Malti. Għandu jippubblika wkoll l-ammont ta’ flus personali li nefaq biex imbagħad ikunu mqabbla mad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu.  

L-editorjal tal-Independent jagħlaq billi jisħaq li Muscat, meta ddeċieda li jirriżenja missu telaq mis-siġġu tal-poter immedjatament. Imma dment li dan ma sarx, missu tal-inqas baqa’ Malta biex jieħu ħsieb it-tmexxija ta’ pajjiżna, minflox jaħrab mir-realta u jdur id-dinja.