Lokali

L-2019 kienet ikkaratterizzata minn kważi 3,000 siegħa ta’ xemx

 L-aktar xahar xemxi kien Lulju; l-anqas xemxi kien Diċembru It-temperatura tal-arja laħqet massimu ta’ 39.6˚C, niżlet għal minimu ta’ 3.7˚C

Is-sena 2019 intemmet fuq nota kemxejn kiesħa hekk kif it-temperatura tal-arja waqgħet għal minimu ta’ 7.6˚C fl-aħħar jumejn tas-sena u partijiet mill-gżejjer Maltin intlaqtu wkoll minn ħalbiet ta’ xita bissilġ. Madankollu, b’mod ġenerali, Diċembru kien aktar sħun, aktar xemxi u konsiderevolment aktar xott min-norma klimatika.

B’kuntrast ma’ dan, is-sena bdiet b’xaharli matulu niżlu 99.8 mm ta’ xita, jiġifieri total ogħla mill-medja għal Jannar. Madankollu, kien f’Novembru li niżlet l-aktar xita; tul dan ix-xahar tkejjel total ta’ 107.4 mm li jsarraf f’madwar 19% tal-ammont ta’ xita totali għas-sena 2019. Min-naħa l-oħra, ix-xahar ta’ Ġunju kien kompletament xott, u kien ukoll wieħed minn sitt xhur tul is-sena 2019 li fihom niżlet anqas xita mill-kwoti rispettivi għal kull xahar.

Ġunju kien ukoll l-aktar wieħed sħun sa mill-1923, hekk kif mewġa ta’ sħana laqtet lill-gżejjer Maltin fil-bidu ta’ dan ix-xahar u tkejlet it-temperatura ta’ 37.8˚C. F’Lulju mbagħad ġiet esperjenzata t-tieni mewġa ta’ sħana għas-sajf, bit-temperatura titla’ għal massimu ta’ 39.6˚C fid-9 ta’ Lulju u titniżżel firrekords meteoroloġiċi bħala l-aktar temperatura għolja tas-sena. Filwaqt li ħafna rħewlha lejn il-baħar bit-tama li jiffriskaw xi ftit, it-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar kienu ogħla mill-medja f’kull tax-xahar tassena 2019, ħlief f’Mejju.

It-23 ta’ Frar, imbagħad, kienet l-ikseħ ġurnata tas-sena, li fiha t-temperatura niżlet għal 3.7˚C. Kien f’dan il-jum ukoll li Grigalata qawwija laqtet lill-gżejjer Maltin, u fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Frar irriħ laħħaq veloċità massima ta’ 54 knots. Tul is-sena, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rrapporta total ta’ 47 maltempata bir-ragħad u s-sajjetti, b’Ottubru jieħu t-titlu tal-aktar xahar tempestuż għas-sena 2019. Ottubru, fil-fatt, kellu 11-il jum li fihom ġew esperjenzati maltempati bir-ragħad u s-sajjetti, jiġifieri aktar mid-doppju tal-ammont mistenni għall-10 xahar tas-sena.

Tul l-2019, il-gżejjer żgur li ma kinux neqsin minn temp xemxi, hekk kif 2992 siegħa ta’ xemx dawlu lġranet tas-sena. Lulju kien l-aktar xahar xemxi, li matulu tkejlu aktar minn 368 siegħa ta’ xemx.

Minkejja li Diċembru kien l-anqas xahar xemxi tas-sena, xorta sebaq in-norma klimatika bi kważi 14-il siegħa ta’ xemx aktar milli mistenni f’għeluq is-sena.