Internazzjonali

L-Awstrija: Sebastian Kurz lura fil-poter mal-Partit tal-Ħodor

Il-politiku konservattiv, Sebastian Kurz, irritorna fil-poter meta l-Kabinett tal-koalizzjoni tiegħu mal-Partit tal-Ħodor ingħata l-ġurament fi Vienna. Din hi l-ewwel darba li l-Ħodor qed jiffurmaw parti minn Gvern Awstrijak u l-Kabinett ġdid, issa, jista’ jibda x-xogħol tiegħu kważi tmien xhur wara l-kroll ( b’riżultat ta’ skandlu) tal-alleanza preċedenti bejn il-konservattivi u l-estremisti tal-lemin.

Dan il-bidu ġdid kien neċessarju għal Kurz, li mill-ġdid hu l-Kanċillier tal-Awstrija, u wara li hu kien ħareġ innoċenti mill-iskandlu li fih, l-eks-kap estremista tal-lemin, Heinz-Christian Strache ( is-sieħeb ta’ Kurz fl-eks koalizzjoni), inqabad waqt li kien qed jipprova jirranġa l-kuntratti tal-Gvern għal persuni magħżulha.

Il-lemin-estrem Awstrijak spiċċa diżorganizzat u fi kriżi wara r-riżenja inevitabbli ta’ Strache, b’Kurz, issa, qed jifforma alleanza ‘xi ftit skomda’ mal-Ħodor tax-xellug li kienu ilhom jilmentaw dwar il-politika ta’ Kurz rigward l-immigrazzjoni. Intant, il-koalizzjoni ġdida fi Vienna għandha taħdem fuq il-policies ta’ Kurz, fosthom impenji għall-qtugħ fit-taxxa, filwaqt li tinkorpora wkoll miżuri sinifikattivi favur l-ambjent.

Għaldaqstant, l-Awstrija qed tissieħeb mal-Iżvezja u l-Finlandja bl-inklużjoni ta’ Partit tal-Ħodor fil-Gvern. Dan meta saret aktar urġenti s-sejħa madwar id-dinja għal azzjoni fil-konfront tal-bidliet fil-klima.

Il-Partit tal-Poplu (OVP) ta’ Kurz u l-Ħodor qassmu l-ministeri fi Vienna fuq il-bażi proporzjonali tal-appoġġ li kisbu fl-elezzjoni parlamentari tad-29 ta’ Settembru u li l-OVP kien rebaħ bi kważi 38 fil-mija tal-vot. Il-Ħodor ta’ Werner Kogler kienu spiċċaw ir-raba’ l-akbar forza politika fl-Awstrija, bl-OVP, issa, qed jikkontrolla l-ministeri ewlenin għall-Finanzi, l-Intern u d-Difiża.