Lokali Qorti

“L-ebda intenzjoni kriminali” – Il-Kaptan tal-MV Lifeline jirbaħ l-appell

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat il-ħelsien tal-bastiment MV Lifeline u waqqgħet il-multa ta’ €10,000 li kienet tat l-ewwel Qorti biex għalhekk dawret is-sentenza mogħtija t-Tlieta – 14 ta’ Mejju li għadda mill-Qorti tal-Maġistrati.

Is-sentenza ngħatat fil-konfront tal-Ġermaniż Claus-Peter Reisch ta’ 58 sena, il-Kaptan tal-MV Lifeline. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li ma kien hemm ebda intenzjoni kriminali fl-aġir tal-Kaptan li fis-27 ta’ Ġunju 2018 u fil-jiem ta’ qabel uża bastiment fl-ibħra territorjali jew interni ta’ Malta.

Dan meta l-imsemmi bastiment mhux reġistrat mal-Awtorita’ fir-reġistru għall-bastimenti Żgħar jew taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili u lanqas huwa reġistrat taħt xi liġi ta’ xi pajjiż ieħor, li mhux Malta.

Il-Kaptan dejjem sostna li wara li għadda minn dawn il-proċeduri, jinsab b’kuxjenza nadifa li flimkien mat-tim tiegħu rnexxielu jsalva 234 persuna mill-għarqa. Dejjem saħaq li dwar dan m’għandu l-ebda sens ta’ ħtija.

Bħall-ewwel Qorti – l-Imħallef Scerri Herrera ma sabitx ħati lill-Kaptan li kien qed jagħmel użu minn bastiment li ma kellux il-liċenzja meħtieġa mill-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta għal għanjiet kummerċjali. Il-Qorti tal-Appell lanqas laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex il-bastiment jiġi konfiskat.

Minkejja li kien instab ħati mill-Ewwel Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud – din kienet semmiet ukoll il-fatt li Reisch, li huwa minn Munich kien għamel li seta’ biex isalva l-ħajjiet tan-nies. L-Avukati difensuri tal-Kaptan Claus Peter Reich kienu Cedric Mifsud u Neil Falzon. Qabel ma ngħatat is-sentenza.

Il-bastiment Lifeline kien ġie miżmum f’pajjiżna bl-ekwipaġġ b’kollox, il-Kaptan Olandiż Klaus-Peter Reisch mexxa protesta minn quddiem Kastilja sal-Qorti.

Sadanittant kienu saru diversi protesti b’rabta ma’ dan il-każ kemm qabel u anke wara li ngħatat is-sentenza. Fil-protesti kien hemm ukoll uħud mill-membri tal-ekwipaġġ tal-istess vapur.

Fi protesta minnhom, il-membri tal-ekwipaġġ kienu libsu maskri b’uċuh tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, u l-eks Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini.

Huma kellhom ukoll idejhom miżbugħin b’żebgħa ħamra, simbolu li l-mexxejja tal-Ewropa għandhom idejhom imċappsin fid-demm ta’ dawk li tilfu ħajjtihom fil-baħar riżultat tan-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tagħhom.