Internazzjonali

L-Iran: Għexieren ta’ mejtin fir-rassa waqt id-difna tal-Ġeneral Soleimani

Għexieren ta’ mejtin fir-rassa waqt id-difna tal-Ġeneral Soleimani

Talanqas erbgħin mietu fir-rassa qalb il-folol enormi li mlew kull rokna ta’ Kerman fejn kienet qed issir id-difna tal-Ġeneral Qasem Soleimani — li l-qtil tiegħu, fl-Iraq, minn drone tal-Amerikani wassal lill-Iran kważi f’xifer ta’ gwerra mal-Istati Uniti.

Soleimani kien l-ogħla kmandant tal-militar Iranjan minbarra t-tieni l-aktar uffiċjal importanti f’pajjiżu. Id-difna tiegħu, intant, kellha tkun posposta b’kaġun tal-imwiet fost il-folol waqt purċissjoni funebri ( waħda minn sensiela ta’ purċissjonijiet ta’ luttu li ilhom għaddejjin fl-Iran mindu tilef ħajtu l-Ġeneral). Ir-rapporti qalu li data gdida għad-difna ta’ Qasem Soleimani kellha titħabbar aktar tard.

Il-belt ta’ Kerman, lejn ix-xlokk tal-Iran, hi l-belt fejn kien trabba Soleimani. Sal-bieraħ ma kienx ċar x’wassal għal dik ir-rassa qattiela, għalkemm l-aktar fattur ovvju kienu n-numri kbar ‘u interminabbli’ tan-nies li sa minn kmieni filgħodu bdew jimlew it-toroq tal-belt.

Minbarra l-mejtin ikkonfermati fir-rassa waqt il-purċissjoni kien hemm ukoll ‘il fuq minn 200 midruba, bl-aħbar tal-inċidenti traġiċi f’Kerman jieħu prominenza fost l-iżviluppi ta’ sitwazzjoni imprevedibbli ddominata mill-biża’ dwar ‘konflitt kbir’ bejn l-Istati Uniti u l-Iran.

Sadanittant, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, waqt intervista, irrefera għall-qtil tal-Ġeneral Soleimani bħala ‘att ta’ gwerra’ filwaqt li tenna li r-reazzjoni mill-Iran għandha tkun kontra ‘il-miri leġittimi’.

Ir-rapporti qalu wkoll li l-Istati Uniti ċaħdet visa għal Javad Zarif biex iżur in-Nazzjonijiet Uniti fi New York din il-ġimgħa.

Dan il-pass, jekk ikun ikkonfermat, għandu jostakola ftehim li jiggarantixxi aċċess lejn il-kwartieri-ġenerali tan-NU għall-uffiċjali barranin.

Fi żviluppi oħra, l-Istati Uniti ċaħdet li qed toħroġ lis-suldati tagħha mill-Iraq wara li ittra mingħand Ġeneral tal-qawwiet Amerikani deher qed jissuġġerixxi irtirar militari ‘imminenti’ mill-pajjiż Għarbi.

Fl-aħħar sigħat, il-parlamentari fl-Iran approvaw mozzjoni li tiddikjara lill-Armata u l-Pentagon tal-Istati Uniti bħala ‘organizzazzjonijiet terroristiċi’.

Dan waqt li l-Istat Iżlamiku alloka fondi addizzjonali għall-qawwa Iranjana (elitista) Quds li kien imexxi Soleimani, bl-ogħla uffiċjali fl-Iran iġeddu t-theddid ‘biex jivvendikaw ruħhom mal-Istati Uniti’.

Sadanittant, uffiċjali mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ikkontradixxew lill-President Donald Trump wara li dan ħareġ bit-theddida kontroversjali biex ‘jimmira għas-siti kulturali tal-Iran’ fil-kriżi li aktar, kulma jmur, qed teskala.

Kwalunkwe attakki fuq siti ta’ patrimonju dinji – irrispettivament minn fejn huma – huma kunsidrati bħala reati tal-gwerra u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Mark Esper, issa qal li f’każ li jkun hemm sitwazzjoni ta’ ostilitajiet, ‘l-Istati Uniti għandha ssegwi r-regolamenti stabbiliti u aċċettati għal waqt konflitt’.