L-attakkant ta’ Balzan Andrija Majdevac rebaħ il-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru biex b’hekk rebaħ l-unur għat-tieni xahar konsekuttiv. Majdevac li qed jilgħab fit-tieni staġun tiegħu ma’ Balzan, qed ikun aktar konsistenti f’dan l-istaġun, tant li sa issa jinsab jokkupa l-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.
Matul Diċembru, Majdevac skorja l-gowls kollha ta’ Balzan. Hu sab ix-xibka fil-logħba tat-tim ta’ Jacques Scerri kontra Ħamrun Spartans meta fetaħ l-iskor wara sitt minuti b’xutt mix-xellug li spiċċa fir-rokna. Il-logħba ntemmet 1-1.

Imbagħad is-Serb ta’ 22 sena kien il-protagonist ewlieni fir-rebħa ta’ 3-0 li Balzan kellhom fuq Santa Lucia. Hu skorja t-tliet gowls tal-logħba fit-tieni taqsima. Majdevac fetaħ l-iskor fid-49 minuta b’xutt li għeleb lil Ryan Caruana wara li rċieva mingħand Uros Ljubomirac.
Balzan irduppjaw mas-siegħa logħob meta Andrija Majdevac tħalla żmarkat u għeleb lil Caruana wara korner ta’ Pisani. Majdevac għaqqad it-tripletta fit-83 minuta b’gowl minn penalty.
Charles Azzopardi, il-persuna eżekuttiva responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-BOV, ippreżenta t-trofew lil Andrija Majdevac. Hu għażel id-Dar tal-Providenza biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata mal-premju.
//= $special ?>