L-attakkant ta’ Liverpool Sadio Mane ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-Afrika għall-ewwel darba. Hu għeleb l-isfida ta’ sieħbu Mohamed Salah li rebaħ l-aħħar żewġ edizzjonijiet u Riyad Mahrez li rebaħ fl-2016. Mane kiseb 477 vot kontra t-325 vot ta’ Salah u l-267 vot miksub minn Mahrez.
Is-sena 2019 kienet mill-aqwa għal Mane. Hu skorja 32 gowl fi 53 logħba ma’ Liverpool, bit-tim immexxi minn Jurgen Klopp jirbaħ il-UEFA Champions League, is-Super Cup Ewropea u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs.
Hu kien magħżul fit-tim tas-sena fl-Ingilterra għat-tieni sena konsekuttiva., qasam il-Ballun tad-Deheb tal-Premier League ma’ Mohamed Salah u Pierre- Emerick Aubameyang, bit-tliet plejers ikunu magħżul fl-Aqwa 11 tal-FIFPro fil-Konfederazzjoni Afrikana. Mane mexxa wkoll lis-Senegal sal-finali tat-Tazza Afrikana li kienet mitlufa 1-0 kontra l-Alġerija.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Mane qal li jippreferi jilgħab il-futbol milli jitkellem quddiem ħafna nies importanti. Hu sejjaħ il-futbol bħala x-xogħol tiegħu li jogħġbu u kompla li hu kuntent ħafna u kburi fl-istess ħin b’dan l-unur. Mane sar it-tieni Senegaliż li rebaħ dan l-unur wara El Hadji Diouf fl-2001 u fl-2002.
//= $special ?>