Lokali Qorti

Joseph Muscat kien qal lill-Kummissarju Rizzo biex imur fejn irid imbasta ma jibqax Kummissarju

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat qalli biex nagħżel jien fejn immur basta ma nibqax Kummissarju tal-Pulizija. Kien anke tagħni għażla ta’ diversi postijiet fejn immur – minkejja li qatt m’għamilt xejn ħażin u għalhekk ma stajtx nifhem għaliex dan kien qed jiġri. Dejjem xtaqt nibqa’ fil-Korp tal-Pulizija.

“Ma kellhiex għażla u għedtlu li xtaqt immur mas-Servizzi Sigrieti. Wara laqa’ mal-Prim Ministru l-għada qaluli biex niltaqa’ ma’ Keith Schembri, li qalli li Muscat iridni immur naħdem mal-Protezzjoni Ċivili.

“Offrieli wkoll konsulenza mal-Prim, b’€10,000 żieda mas-salarju u l-perkaċċi kollha li kellu, dan wara li qalli li kont għamilt żmien biżżejjed fir-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Kont lest li nagħti konsultazzjoni b’xejn għax jien ma ridx flus.”.

Dan ħareġ mix-xhieda li ta l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo fl-inkejsta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizija fejn qal li dam jokkupa r-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija mill-2001 sal-2013. Tenna li l-protezzjoni fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet bdiet anke mill-predeċessuri tiegħu fil-Korp tal-Pulizija.

Qal li meta kien hu Kummissarju tal-Pulizija anke ‘fixed point’ kien isir ħdejn id-dar tal-vittma. Tenna li hija qatt ma staqsiet għaliha, anzi kien hemm xi drabi li setgħu dejjquha…fil-fatt għalhekk ġieli kien ipoġġi karozza faċċata jew il-protezzjoni kienet issir permezz ta’ ‘patrol’.

Rizzo qal li l-Gvern preċedenti qatt ma ndaħħallu fuq il-protezzjoni tagħha jew saret xi pressjoni mill-awtoritajiet. Kien iħoss li kien obbligu tiegħu li għandu jagħtiha protezzjoni. Huwa qal li ma damx Kummissarju wara l-elezzjoni tal-2013 minħabba li ftit tal-ġimgħat wara kien tneħħa minn Kummissarju. Qal li kien trasferit f’April għax il-Prim Ministru ħass li għamel żmien biżżejjed fir-rwol tiegħu u ngħata ‘transfer’.

Qal li fil-perjodu tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 il-vittma Daphne Caruana Galizia kellha l-protezzjoni minn naħa tal-Pulizija. Fuq John Dalli, apparti l-investigazzjoni li għamlet l-Olaf, il-Pulizija Maltija kienet għamlet l-investigazzjonijiet u li kellu biżżejjed materjal biex iressaqu l-Qorti – anke l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien qed jaqbel. Sostna li anke Anġelo Gafa li llum huwa Kap Eżekuttiv tal-Pulizija kien qabel ukoll.

Wara li sar Peter Paul Zammit – Kummissarju tal-Pulizija dan iddeċieda li ma kellux iressqu. Meta pprova jressqu Dalli kien Brussell u huwa kellu ċertifikat li kien ‘unfit’ li jivvjaġġa – Dalli kien irritorna lura Malta ftit tal-jiem wara li huwa tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija.

Huwa qal li kien iltaqa’ mal-Prim Ministru fuq il-pożizzjoni tiegħu ta’ Kummissarju tal-Pulizija u qallu biex jerġa jiltaqa’ miegħu l-għada – u minflok mal-Prim Ministru kien iltaqa’ ma’ Keith Schembri u dan qallu li ried jagħtih 10,000 ewro paga iżjed mas-Security Services – li iżda ma aċċettax għax il-flus mhux kollox għalih.

Wara spiċċa mal-Protezzjoni Ċivili fejn dam ftit tas-snin u telaq għax iddejjaq. Qal li għalih li tneħħa minn Kummissarju kienet ‘demotion’.
Qal li nbidlet ħafna l-Pulizija minn żmienu fejn fosthom għandu nformazzjoni li t-taħriġ li jsir kontinwu fl-akkademja tal-Pulizija – m’għadux isir b’mod regolari.

Fuq l-iskandlu taż-żejt qal li kien hemm rapport fuq il-ġurnal ‘Malta Today’ u hu kien ħa l-passi mill-ewwel u jiftakar li kien ukoll ċempillu l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi u staqsieh fuqu – u kien qallu biex imexxi.

Huwa qal li kien jagħti ħafna każ dwar dak kollu li kien qed jiġri fosthom anke dwar il-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando. Mistoqsi dwar il-Panama Papers qal li l-Pulizija għandha tinvestiga kull każ kemm fuq rapport anonima, informazzjoni anke ġejja minn ġurnalist.

Qal li tiġi kif tiġi l-informazzjoni – huwa d-dover tal-Pulizija li tinvestiga. Dwar rapporti tal-FIAU – Rizzo qal li mill-ewwel kien jgħaddihom għall-investigazzjoni u kien jgħaddi r-rapport li kien isir lill-istess FIAU. Qal li għalhekk jittieħed il-ġurament biex wieħed jinvestiga kull każ li jiġi għall-konjizzjoni tiegħu.

L-inkjesta tissokta nhar il-Ħamis li ġej fis-2.30 pm meta għandhom jixhdu l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit u l-Kummissarju attwali Lawrence Cutajar.