Sport Sport Ieħor

Quintana se jieħu sehem fit-Tour de France

(Ritratt: EPA)

Nairo Quintana se jkun qed jipparteċipa fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tour de France wara li t-tim tiegħu Akea-Samsic ingħata wild card bħala wieħed mit-22 tim. Il-Kolombjan ta’ 29 sena rebaħ fil-passat il-Giro d’Italia u La Vuelta iżda spiċċa darbtejn wara Chris Froome fit-Tour de France tal-2013 u l-2015.

Dsatax-il tim se jieħdu sehem f’din it-tellieqa li ddum tliet ġimgħat, fosthom Team Ineos li Froome jinsab magħhom. Il-Franċiżi Total Direct Energie kkwalifikaw bħala l-ewwel tim minn dawk professjonali. It-tieni wild card ingħatat lil B&B Hotels-Vital Concept.

It-tim ta’ Quintana se jkollu wkoll lil Warren Barguil, ċiklist Franċiż ta’ 28 sena li fl-edizzjoni tal-2017 rebaħ żewġ stadji fil-muntanji. L-edizzjoni ta’ din is-sena tibda fis-27 ta’ Ġunju u tintemm f’Pariġi fid-19 ta’ Lulju.