Lokali Qorti

Raġel mixli bi vjolenza domestika jiċħad u jgħid li dan kien rapport malizzjuż mill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 31 sena mill-Ħamrun ġie mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli bi vjolenza domestika fuq l-eks-sieħba tiegħu qed jallega li kienet hi li ħebbet għalih.

Permezz tal-Avukati tiegħu Joe Giglio u Roberta Bonello – ir-raġel qed jikkontendi li huwa kien vittma ta’ rapport malizzjuż mill-allegata vittma. Fil-Qorti ħareġ kif nhar il-Ħadd li għadda, l-Pulizija rċeviet rapport mill-mara li jumejn qabel l-akkużat mar id-dar tagħha, fejn huma argumentaw u kien hemm li huwa ħebb għaliha.

Ir-raġel kien ordnat biex iżomm il-bogħod minnha u dan taħt diversi ordnijiet ta’ protezzjoni. L-Avukat Joe Giglio qal fil-Qorti li l-allegata vittma naqset li taderixxi ma’ diversi kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mogħtija lilha wara li ħebbet għalih diversi drabi.

L-Avukat qal li dan kollu huwa att ta’ agressjoni minn naħa tal-mara fil-konfront tal-akkużat. L-Ispettur Jonathan Ransley li mexxa l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonax għat-talba tal-libertà proviżorja mitluba mid-difiża bl-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2000, bil-kundizzjoni li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa.