Il-biljetti tal-vjaġġ ta’ Joseph Muscat u familtu lejn Dubaj tul ix-xahar ta’ Diċembru inxtraw mill-Ġordan għal valur ta’ madwar €20,000.
Dan skont sorsi qrib The Shift wara li fis-27 ta’ Diċembru, jumejn wara l-Milied, Muscat mar lejn Dubaj għal tlett ijiem – żjara li inkixfet b’ritratti esklussivi żvelati minn Net News.
Meta dalgħodu tfaċċa fil-pubbliku, wara tul ta’ żmien ma jidhirx, Joseph Muscat reġa’ ħarab mid-domandi tal-ġurnalisti.
Mistoqsi minn ġurnalist ta’ Times of Malta min ħallaslu l-vjaġġ, il-Prim Ministru – frisk bl-unur ta’ raġel tas-sena għall-kriminalità organizzata u għall-korruzzjoni skont l-OCCRP – wieġbu “it’s none of your business.”
B’wiċċ evidenti ta’ frustrazzjoni, Joseph Muscat kompla jwieġeb li huwa uża fondi privati sabiex nefaq nefqa sostanzjali għal din is-safra misterjuża ta’ tlett ijiem. Ta’ min ninnotaw li l-Prim Ministru ilu jiddikkjara €75,000 fil-kont bankarju tiegħu sa mill-2014, la ċenteżmu nqas jew aktar.
B’din id-dikkjarazzjoni The Shift allegaw li Joseph Muscat qed jagħti lill-poplu x’jifhem li; jew għandu kont bankarju jew aġent fil-Ġordan. Inkella, komplew The Shift, għal darb’oħra huwa qed jigdeb f’wiċċ il-poplu u aċċetta rigal ieħor.
Fir-ritratt segwenti, jidher ċar mnejn inxtara l-biljett b’bosta sorsi qrib The Shift jisħqu li l-biljetti tal-familja nxtraw mill-Ġordan.

Skont il-kodiċi tal-Etika, Membru tal-Kamra tad-Deputati ma għandux jaċċetta rigali mingħand persuni, gruppi jew kumpanniji li kellhom xi interess dirett jew indirett f’leġislazzjoni li tkun quddiem il-Kamra tad-Deputati.
Ta’ min infakkru wkoll li fl-aħħar jiem ġie rrapportat li Yorgen Fenech, in-negozjant akkuzat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ta lill-Prim Ministru arloġġ Bvlgari għal valur ta’ madwar €17,000 – kif ukoll tlett ifliexken inbid għal valur kumplessiv ta’ madwar €5,000.
Fl-ebda mument s’issa Joseph Muscat ma ċaħad li rċieva dawn ir-rigali mingħand Fenech.
//= $special ?>

