Sport Sport Ieħor

Sainz jirbaħ it-tielet stadju f’Neom u jitla’ fil-quċċata tar-Rally ta’ Dakar

(Ritratt: EPA)

Id-darbtejn rebbieħ Carlos Sainz tela’ fil-quċċata tal-klassifika tar-Rally ta’ Dakar wara li rebaħ it-tielet stadju fil-belt ta’ Neom li tinsab fid-deżert tal-Arabja Sawdija. L-Ispanjol jinsab b’vantaġġ ta’ erba’ minuti u 55 sekonda fuq iċ-champion renjanti Nasser Al Attiyah, fi tmiem stadju li kien twil 427 kilometru.

Orlando Terranova li beda l-istadju fil-quċċata, niżel fit-tielet post tmien punti bogħod mill-quċċata. L-Arġentin spiċċa l-istadju kważi 13-il minuta wara Sainz. Dan ifisser li tliet sewwieqa differenti rebħu l-ewwel stadji ta’ din l-edizzjoni li qed issir fil-Lvant Nofsani wara aktar minn deċennju fl-Amerika ta’ Isfel.

Fernando Alonso temm it-tielet stadju fil-ħames post hekk kif irkupra mit-tieni stadju li kien diffiċli għalih. It-Tnejn hu tilef aktar minn sagħtejn u nofs wara ħabta li fiha tilef rota u s-suspension. Fil-preżent hu jinsab sagħtejn u 40 minuta wara Sainz fil-klassifika ġenerali.

Fil-kategorija tal-muturi, l-Amerikan Ricky Brabec rebaħ l-istadju fuq Honda u ħa l-vantaġġ mingħand Sam Sunderland. Ir-rebbieħ tal-istadju tat-Tnejn Ross Branch, weġġa’ spalltu f’ħabta u tilef aktar minn siegħa. Adrien van Beveren kien ukoll involut f’ħabta u ttieħed l-isptar b’ħelikopter. Ir-rally li qed issir kollu fl-Arabja Sawdija, jispiċċa f’Qiddiya fis-17 ta’ Jannar.