Sport Sport Ieħor

Shapovalov jegħleb lil Zverev ukoll u jwitti t-triq għar-rebħa Kanadiża fl-ATP Cup

(Ritratt: EPA)

Il-Kanadiż Denis Shapovalov kiseb it-tieni rebħa fl-ATP Cup kontra wieħed mill-aqwa għaxar tennisti hekk kif għeleb lil Alexander Zverev 6-2, 6-2, bil-Ġermaniż ikompli jbati fis-service qabel l-Open tal-Awstralja aktar tard dan ix-xahar.

Shapovalov li għad għandu 20 sena, kellu bżonn biss siegħa u 10 minuti biex għeleb lil Zverev, li għalih kienet it-tielet telfa konsekuttiva f’logħbiet individwali. Zverev rebbieħ tal-ATP Finals fl-2018, kellu seba’ double faults, għal total ta’ 31 f’dan it-tournament. Il-Kanada rebħet 2-1 wara li Shapovalov flimkien ma’ Felix Auger-Aliassime rebħu kontra Kevin Krawietz u Andreas Mies 6-3, 7-6. B’hekk huma baqgħu jittamaw għal post mal-aħħar tmienja.

Ir-Renju Unit għadda mal-aħħar tmienja wara r-rebħa ta’ 2-1 li l-Belġju kellha fuq il-Bulgarija. Cameron Norrie u Dan Evans għelbu lil Alexander Cozbinov u Radu Albot rispettivament, b’rebħiet identiċi ta’ 6-2, 6-2. Jamie Murray u Joe Salisbury rebħu kontra Cozbinov u Albot fid-doubles.

Din ir-rebħa tat ċans lill-Ingliżi, bil-Belġjani jdawru t-telfa ta’ 6-0, 6-3 li Steve Darvis sofra kontra Dimitar Kuzmanov. David Goffin rebaħ 4-6, 6-2, 6-2 kontra Grigor Dimitrov u Sander Gille flimkien ma’ Joran Vliegen taw ir-rebħa lill-Belġju wara li għelbu lil Dimitov u Lazarov 3-6, 6-4, 10-7 fid-doubles.

Ir-rebbieħ tas-sitt gruppi u l-aqwa tnejn minn dawk li jispiċċaw it-tieni jgħaddu mal-aħħar tmienja f’Sydney. Sa issa l-Awstralja, is-Serbja, ir-Russja u r-Renju Unit huma n-nazzjonijiet li kkwalifikaw.

F’dan it-tournament inawgurali, qed jipparteċipaw 24 nazzjon, bil-logħbiet fuq għaxart ijiem qed jintlagħbu f’Perth, Brisbane u Sydney. Sitta mill-ewwel seba’ tennisti fid-dinja, b’eċċezzjoni tal-Iżvizzeru Roger Federer, qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Riżultati

Grupp Ċ:Renju Unit v Moldova 3-0, Belġju v Bulgarija 2-1

Grupp D: Russja v Norveġja 3-0, Italja v Stati Uniti 3-0

Grupp F: Ġermanja v Kanada 1-2, Greċja v Awstralja 0-3

Logħob li jmiss

Grupp A: Serbja v Ċili, Franza v Afrika ta’ Isfel 

Grupp B: Spanja v Ġappun, Georgia v Urugwaj        

Grupp E: Awstrija v Polonja, Kroazja v Arġentina       

Tags