L-Aġent Prim Ministru Soċjalista, Pedro Sanchez, rebaħ vot ta’ fiduċja fil-Parlament li jippermettilu jiggverna l-pajjiż f’koalizzjoni mal-Partit Podemos tal-xellug estrem.
Intant, il-vot fil-miftuħ – li kien jirrikjedi maġġoranza sempliċi fost id-deputati – kien ferm viċin, b’Sanchez jirbaħ id-dritt li jmexxi Spanja b’żewġ voti biss ( b’167 favur kontra 165). Ir-rebħa għal Pedro Sanchez – li qed jifforma gvern ta’ minoranza — saret possibbli wara li d-deputati Katalani u tal-Baski astjenew f’dan il-vot, f’Madrid.
L-iżvilupp hu wkoll sinifikanti għaliex Spanja, issa, se jkollha l-ewwel Gvern ta’ koalizzjoni mindu rritornat għal demokrazija fl-1978, mat-tmiem tad-dittatorjat tal-mexxej faxxista Francisco Franco.
Intant, Pedro Sanchez qed jaħseb biex il-laqgħa inawgurali tal-Kabinett issir nhar il-Ġimgħa.
L-osservaturi, fl-istess ħin, qed jistennew id-diffikultajiet għall-impenji biex il-leġislazzjoni, ‘il quddiem, tgħaddi mill-Parlament ta’ 350 deputat. Dan peress li l-Partit Soċjalista (PSOE) ta’ Sanchez għandu 120 siġġu, bil-Podemos qed jikkontrolla 35 – u li bejniethom jikkostitwixxu anqas minn maġġoranza,
Qabel il-vot , Sanchez kien indirizza lid-deputati f’Madrid u qalilhom li l-koalizzjoni li ntlaħqet kienet ‘l-unika għażla għal Spanja’ wara ħames elezzjonijiet ġenerali fl-aħħar snin. Hu tenna li d-deputati Spanjoli setgħu jagħżlu koalizzjoni konservattiva ‘jew perjodu ta’ staġnar fit-tul għal pajjiżhom’.
Nhar il-Ħadd li għadda, Pedro Sanchez kien tilef l-ewwel vot ta’ fiduċja fejn ma rnexxilux jikseb il-maġġoranza assoluta tal-appoġġ fil-Parlament biex jifforma Gvern ta’ koalizzjoni. Intant, hu, issa, qed jinsisti biex jeħles il-politika Spanjola ‘mill-klima tossika preżenti’ wara snin ta’ instabbiltà f’termini politiċi.
//= $special ?>