Lokali

Tkompli toħroġ fil-beraħ il-qasma tal-Lejber

Hekk kif ninsabu fl-aħħar ftit jiem qabel ma jkun magħruf min se jieħu s-siġġu tal-poter minflok Joseph Muscat… il-gwerra interna fil-Lejber tkompli tiħrax.

Dan hekk kif kompliet toħroġ fil-beraħ il-qasma li hemm bejn dawk li huma favur Robert Abela u dawk favur Chris Fearne.

Dan hekk kif aktar Ministri qed jagħlu li jappogjaw lid-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne, fosthom Owen Bonnici – minkejja li ftit ġimgħat ilu kien qalilna li mhux se jikkummentaw waqt li tkun għaddejja din il-ġirja.

Dan l-intervent ta’ Owen Bonnici qajjem rabja kbira fost diversi partitarji Laburisti, tant li kienu ħafna li kkummentaw fuq dak li qal il-Ministru.

Il-maġġoranza ta’ dawk li kkummentaw kitbu li huwa tal-mistiħija kif it-tesserati qed ikunu kwieti u kawti filwaqt li l-Ministri u d-Deputati Laburisti qed joħorġu għonqhom għaż-żewġ kontestanti… bil-parti l-kbira tagħhom favur Chris Fearne.

Kummenti oħra qalu li qed ikunu l-Ministri stess li qed iġibu l-firda fi ħdan il-Lejber u qed ikissu l-partit bil-kummenti tagħhom stess.  Dan fost kummenti oħra fejn bl-aġir tagħhom il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari Laburisti qed jonqsu mir-respnsabbiltajiet tagħhom meta joħorġu favur kandidat u mhux ieħor.

Is-Sibt li ġej, it-tesserati kollha tal-Partit Laburista iridu jagħżlu bejn id-Deputat Mexxej tal-Partit Chris Fearne u l-konsulent ta’ Joseph Muscat, id-Deputat Robert Abela, bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista f’votazzjoni li mistennija sseħħ fid-diversi każini tal-Partit u postijiet oħra, bir-riżultat mistenni li jkun magħruf kmieni l-Ħadd filgħodu.

Sa xahar ilu, kien hemm madwar 10,000 membru eleġibbli li jivvotaw għax ilhom ħames snin konsekuttivi bit-tessera mħallsa.. Potenzjalment dan in-numru jista’ għal madwar 18,000 – biex b’hekk fi ftit jien dawk eleġibbli jivvutaw ikunu rduppjaw.