Lokali

Tkompli toħroġ il-qasma fi ħdan il-Partit Laburista

Ikomplu l-botti u r-risposti bejn iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela u Chris Fearne, fejn kompliet toħroġ fil-beraħ li qasma li hemm fil-Partit Laburista. Din id-darba waqt il-programm Realta’ fuq l-istazzjon nazzjonali, li xxandar it-Tnejn filgħaxija.

Fost il-ħafna diskors għalfejn jaħseb li hu għandu jkun l-għażla tal-Laburisti, Fearne qal li jidejjaq li jkun hemm min jiżra dubji fil-proċess elettorali. Dan f’ attakk car fuq Robert Abela li minn naħa tiegħu t-Tnejn filgħodu ressaq ilment formali mal-Partit Laburista fejn allega tbagħbis fil-proċess tal-elezzjoni tas-Sibt li ġej.

Fl-intervista tiegħu waqt l-istess programm, Robert Abela attakka lill-Chris Fearne wara d-diskors diviżiv li uża biex jitħabbeb ma sezzjoni ta-Partitarji Laburisti. Fl-istess intervista Robert Abela rrisponda lill-Ministru Ian Borg li waqt attivita li organizza l-Ministru tas-Sahha bħala parti mil-kampanja tiegħu, indika li Fearne għandu aktar esperjenza minn Abela biex imexxi pajjiż.

Intant, fost id-diversi mistoqsijiet li saru liż-żewġ kandidati kien hemm dik dwar jekk iżommux l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Ir-risposti li taw iż-żewġ kandidati kienu differenti. Minn naħa Chris Fearne qal li l-bejgħ taċ-ċittadinanza kif inhu ħoloq diversi probemi ta’ reputazzjoni u minn naħa l-oħra Robert Abela qal li jekk se nwaqqfu l-bejgħ tal-passaporti se nabtu ekonomikament.

L-elezzjoni għal mexxej ġdid Laburista tibda mill-Erbgha, bl-early voting.