Futbol Sport

Tliet gowls fl-ewwel taqsima jpoġġu lil Man City favoriti li jilagħbu l-finali tal-League Cup

(Ritratt: EPA)

Manchester City għamlu pass importanti biex jilagħbu l-finali tal-League Cup wara li f’Old Trafford għelbu lir-rivali Manchester United 3-1. Ir-rebbieħa tal-aħħar żewġ edizzjonijiet kienu l-aħjar tim tul id-90 minuta u l-vantaġġ li se jieħdu magħhom għat-tieni logħba fl-Etihad Stadium, ipoġġihom favoriti li jikkontestaw il-finali.

City fetħu l-iskor wara 16-il minuta meta Kyle Walker qassam lejn Bernardo Silva li b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil David de Gea. It-tim ta’ Pep Guardiola rdoppja fit-33 minuta b’passaġġ vertikali ta’ Bernardo Silva li għadda qalb id-difiża fl-ispazju lejn Riyad Mahrez, bl-Alġerin jaqbeż lil de Gea biex xeħet fix-xibka.

Il-vantaġġ kompla jikber fid-39 minuta meta d-difiża ta’ Manchester United reġgħet inqabdet fuq sieq waħda, b’Kevin de Bruyne jaqbeż lil Phil Jones fil-kaxxa. Ix-xutt ġie salvat parzjalment minn de Gea iżda b’mod sfortunat ħabat ma’ sieq Andreas Pereira u baqa’ dieħel fix-xibka.

Manchester United tjiebu fit-tieni taqsima, bl-avversarji jwaqqgħu l-livell tagħhom. Fis-70 minuta r-Red Devils irnexxielhom inaqqsu d-distakk meta minn kontrattakk, Mason Greenwood qassam tajjeb lejn Marcus Rashford li minn qagħda favorevoli għeleb lil Claudio Bravo b’xutt għar-rokna.

League Cup

Semifinali – I Leg

Man United v Man City  1-3

Għada: Leicester v Aston Villa    9.00pm