Formula 1 Sport

Verstappen jikkommetti l-futur tiegħu ma’ Red Bull sal-2023

(Ritratt: EPA)

Max Verstappen temm spekulazzjoni dwar il-futur tiegħu fil-Formula 1 hekk kif iffirma kuntratt ġdid ma’ Red Bull sa tmiem l-2023. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Verstappen saħaq li l-għan prinċipali hu li jissielet biex flimkien jirbħu Kampjonat tad-Dinja.

Din l-aħbar issegwi dik ta’ ftit jiem ilu, biż-żagħżugħ Charles Leclerc jikkommetti l-futur ma’ Ferrari sal-2024, f’dik li ħafna qed isejħu bħala t-taqtigħa bejn iż-żewġ sewwieqa tal-futur. Ic-champion tad-dinja Lewis Hamilton u Sebastian Vettel it-tnejn jispiċċalhom il-kuntratt din is-sena.

Verstappen għandu 22 sena u diġà tellaq f’aktar minn 100 Grand Prix tul ħames staġuni. Sa issa rebaħ tmien tlielaq u s-sena l-oħra spiċċa għall-ewwel darba fit-tielet post fil-klassifika tas-sewwieqa. F’mumenti minnhom, Verstappen deher li seta’ jisfida d-dominju ta’ Mercedes u fil-preżent teżisti stennija għal dak li jistgħu jagħmlu Red Bull f’dan l-istaġun.

“Kuntent ħafna li ġeddidt is-sħubija tiegħi mat-tim. Red Bull emmnu fija u tawni l-opportunità li nibda fil-Formula 1, xi ħaġa li se nibqa’ dejjem grat. Matul is-snin, kbirt aktar qrib it-tim u minbarra l-passjoni ta’ kulħadd u l-prestazzjonijiet fiċ-ċirkwiti, hu ta’ pjaċir li naħdem ma’ grupp mill-aqwa ta’ nies,” qal Verstappen.

Il-Prinċipal tat-Tim ta’ Red Bull Christian Horner iddeskriva l-ftehim ta’ Verstappen bħala aħbar fantastika. Hu żied li bir-regoli li se jinbidlu s-sena d-dieħla, il-kontinwità f’diversi aspetti hi importanti. Horner kompla li Verstappen wera li hu importanti għat-tim u jemmen li flimkien ma’ Honda, bnew relazzjoni li tagħmel lil kulħadd kuntent li jkomplu l-ħidma tagħhom flimkien.