
20 immigrant irregolari kienu arrestati wara li ġew identifikati li ħadu sehem f’inkwiet filkumpless tal-immigranti fil-Marsa, li wassal biex wieħed mid-dormitorji allegatament ingħata n-nar.

In-nar imbagħad infirex fil-gym. Għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar (1300hrs), intalbet l-assistenza tal-Pulizija wara rapporti li kien hemm nirien fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa.

Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett, minnufih marru fuq il-post u bl-għajnuna tal-ħaddiema taċċentru, immexxi mill-AWAS, bdew jevakwaw lir-residenti kollha miċ-ċentru.

Intalbet ukoll lassistenza tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nirien. Minnufih bdew l-investigazzjonijiet mill-Pulizija fejn aktar tard irriżulta li ftit ħin qabel, numru ta’ immigranti bdew ikissru parti mid-dormitorju ewlieni u wara dan inħakem min-nirien.

Flistess waqt bdew jiġu identifikati l-persuni li setgħu kienu involuti f’dan il-każ. Fil-fatt, blassistenza tal-uffiċjali taċ-ċentru, ġew identifikati 20 persuna, li kienu ċċirkondati mill-Pulizija fuq il-post u ġew arrestati. Huma ttieħdu lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għal aktar stħarriġ.

Issejjaħ tim mediku fejn 11-il ħaddiem taċ-Ċentru u tliet immigranti ngħataw il-kura fuq ilpost minħabba duħħan illi belgħu. Ħadd ma ttieħed l-isptar għal aktar kura.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak qed imexxi inkjesta bl-għajnuna ta’ esperti maħtura minnu. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.



