Lokali

Abela Prim Ministru se jagħti l-kuntratti lil Abela l-avukat

L-etika politika tidher li se tibqa’ tintefa’ ‘l barra mit-tieqa anke taħt Robert Abela.

Dan ħareġ ċar minn stqarrija tal-istess Abela meta mistoqsi jekk il-kumpanija legali tiegħu tibqax tieħu kuntratti tal-Gvern jekk hu jsir Prim Ministru.

Bi tweġiba lill-ġurnalist tal-Maltatoday, Abela qal li jekk nhar is-Sibt ikun elett Mexxej tal-Partit Laburista u għaldaqstant Prim Ministru ta’ pajjiżna, hu joħroġ mill-kumpanija legali biex imbagħad il-kumpanija tiegħu ikollha dritt tieħu l-kuntratti.

“IL-KUMPANIJA TIEGĦI NATURALMENT IKOLLHA D-DRITT LI TIPPARTEĊIPA JEKK IKUN HEMM XI XOGĦOL TAL-GVERN PERO TRID TAGĦMLU DAQS KULL KUMPANIJA OĦRA U MHUX INQAS JEW IŻJED MINN ĦADDIEĦOR…JIENA NEMMEN LI KULĦADD GĦADU JINGĦATA L-OPPORTUNITÀ BIEX JAĦDEM”

L-avukat Robert Abela iġġustifika dan billi qal li d-dritt tax-xogħol qiegħed hemm għal kulħadd…kemm jekk ikunu kumpaniji Nazzjonalisti, u anke jekk kumpaniji ta’ persuni li jimmilitaw fil-lejber. 

Stqarrija li turi kif Abela jew ma jaf assolutament xejn dwar etika politika marbuta mal-kariga ta’ Prim Ministru, jew se jiġi jaqa’ u jqum mill-etika politika u jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li jkun hu stess li jagħti kuntratti ta’ konslenzi legali tal-Gvern lill-kumpanija tiegħu stess.

Xi ħaġa li verament tixhed kontinwità fuq il-politika ta’ Muscat li kerha l-karozza tiegħu stess bħala ċittadin lilu nnifsu bħala Prim Ministru.

Ironikament Abela kompla jgħid li l-importanti hu li “ma tpoġġix lilek innifsek f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interess”. Xi ħaġa kontradittorja għall-aħħar f’dan il-kuntest.

Pressat dwar il-fatt li martu tagħmel parti mill-istess kumpanija tiegħu, Abela anke hawn iġġustifika l-fatt li bħala Prim Ministru jagħti kuntratti għal xogħol legali lil martu stess.

“IL-MARA TIEGĦI HIJA AVUKAT U GĦANDHA DRITT TIBQA’ TAĦDEM”

Abela evita wkoll li jwieġeb għal mistqosija dwar il-kuntratti li għandu mal-Planning Authority..

“JIEN MHU SE NKUN FL-EBDA SIWTAZZJONI TA’ KUNFLITT TA’ INTERESS MAL-KARIGA L-ĠDIDA TIEGĦI U KWESTJONIJIET OĦRA”

U filwaqt li stqarr hekk, naqas li jgħid li jekk ikun hu Prim Ministru, jara li l-kumpanija tiegħu ma tkunx involuta f’xogħol tal-Gvner, kif titlob l-etika.