Futbol Sport

Abera tirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Novembru u Diċembru

Il-plejer ta’ Birkirkara Loza Abera rebħet l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar tan-nisa għal Novembru u Diċembru. Il-plejer ta’ 22 sena qed tilgħab fl-ewwel staġun f’pajjiżna u ħalliet impatt mill-ewwel. Hi skorjat 22 gowl f’ħames logħbiet, fosthom seba’ gowls fir-rebħa kbira li Birkirkara kellhom kontra Hibernians. Hi sabet ix-xibka wkoll bi tripletta kontra Mġarr United fis-Super Cup, logħba li ntrebħet minn Birkirkara 5-0.

Abera ngħaqdet ma’ Birkirkara mingħand il-klabb mill-Etijopja Adama Caity, tim li rebaħ il-kampjonat ta’ pajjiżu fl-istaġun li għadda. Fl-istess kampjonat, hi kienet l-aqwa skorer fl-aħħar erba’ staġuni. Charles Azzopardi, il-persuna eżekuttiva responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi u Marketing tal-BOV, ippreżenta ż-żewġ unuri lil Loza Abera.