Lokali

Adrian Delia jitlob investigazzjoni fiż-żjara ta’ Muscat f’Dubaj

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kiteb lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler biex jinvestiga jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat kisirx il-Kodiċi tal-Etika tal-membri tal-Kamra tad-Deputati u/jew il-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari meta kif ġie żvelat mill-midja Joseph Muscat siefer lejn Dubaj. Muscat baqa’ sal-lum qatt ma ta rendikont jew spjegazzjoni xierqa kif ġiet imħallsa din is-safra li skont l-istess rapporti fil-midja tlaħħaq €20,000.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalist kompliet tgħid li l-midja żvelat kif il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru li għadda, Joseph Muscat flimkien mal-familja tiegħu siefer fuq titjira first-class tal-Emirates Airlines għal btala ta’ tliet ijiem lejn Dubaj u meta kien mistoqsi mill-ġurnalist ta’ The Times biex jagħti spjegazzjoni ta’ din it-titjira li swiet eluf kbar, il-Prim Ministru wieġeb li mhux biċċa tiegħu.

Aktar tard is-sit elettroniku The Shift News irrappurtat kif il-biljetti għal din it-titjira nxtraw mill-Ġordan. 

L-istqarrija tgħid li f’ittra li bagħat lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jagħmel referenza għall-Kodiċi tal-Etika u kif Deputati Parlamentari huma marbuta ma dawn il-kodiċi meta jingħataw jew jaċċettaw rigali.

Adrian Delia jinsab dispost li jgħin u jikkollabora mal-Kummissarju George Hyzler matul l-investigazzjoni dwar din il-btala tal-Prim Ministru, ittemm tgħid din l-istqarrija.