Ajruplan tal-linja tal-ajru Ukraine International Airlines iġġarraf fl-Iran ftit wara t-tluq tiegħu mill-ajruport internazzjonali Imam Khomeini fil-belt kapitali Tehran.
L-ajruplan, tat-tip Boeing 737, kellu 180 passiġġier abbord u kien għadu kemm beda titjira lejn il-kapitali Ukrena Kiev. Skont is-Soċjeta’ tal-Qamar l-Aħmar fl-Iran, m’hemmx tama li jinstabu xi persuni ħajjin.
L-inċident seħħ ftit tal-ħin wara li l-Iran attakka żewġ bażijiet Amerikani fl-Iraq permezz ta’ missili u għal bidu kien biża’ li seta’ kien hemm xi rabta, iżda l-Ambaxxata Ukrena f’Tehran eskludiet dan u qalet li t-tiġrif kien ikkawżat minn ħsara fil-magni tal-ajruplan.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Vadym Pristaiko qal li b’kollox kien hemm 176 persuna abbord li tilfu ħajjithom. Il-Maġġoranza tal-vittmi kienu ċittadini Iranjani bi 82 passiġġier abbord. Kien hemm ukoll 63 passiġġier ta’ nazzjonalita’ Kanadiża, 11-il Ukren li jinkludi l-ekwipaġġ, 10 ċittadini Żvediżi, erba’ persuni ta’ nazzjonalita’ Afghana, tliet Ġermaniżi u tliet Britanniċi.
//= $special ?>