Sport Sport Ieħor

Al-Attiyah inaqqas id-distakk minn ma’ Sainz fil-quċċata tal-klassifika tar-Rally ta’ Dakar

(Ritratt: EPA)

Stephane Peterhansel sar ir-raba’ sewwieq differenti li jirbaħ stadju fl-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Rally ta’ Dakar. Fil-klassifika ġenerali, iċ-champion Nasser Al-Attiyah irnexxielu jnaqqas id-distakk bin-nofs minn ma’ Carlos Sainz. L-istadju tal-lum inkluda l-itwal test għas-sewwieqa b’total ta’ 453 kilometru, b’Peterhansel jagħmel id-distanza fi ftit aktar minn erba’ sigħat. Carlos Sainz tilef madwar erba’ minuti fl-aħħar 100 kilometru.

Al-Attiyah spiċċa ftit wara Peterhansel u issa jinsab tliet minuti biss wara Sainz. Din ir-rebħa tellgħet lil Peterhansel fit-tielet post fil-klassifika wara li qabeż lil Orlando Terranova u Yazeed Al-Rajhi. Id-darbtejn rebbieħ tala-Formula 1 Fernando Alonso, beda l-ġurnata fit-32 post, kawża ta’ ħsarat fil-karozza fl-istadju tat-Tnejn li għadda. Hu kien 26 minuta bogħod mill-pass ta’ quddiem.