Lokali

Deportazzjoni tat-tfal: Il-PN jitlob laqgħa urġenti għall-Kumitat tal-Affarijiet tal-Familja

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum kitbet lill-President tal-Kumitat tal-Affarijiet tal-Familja biex dan il-Kumitat Parlamentari jiltaqa’ mill-aktar fis possibbli sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni ta’ numru ta’ tfal ta’ nazzjonalita’ barranija, li qegħdin jaffaċċaw id-deportazzjoni minn pajjiżna. 

Din it-talba tressqet uffiċjalment mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetż  Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, li huwa wkoll membru tal-Kumitat Permanenti tal-Affarijiet tal-Familja.

Dan hekk kif is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal, li huma ulied ta’ persuni li jidher li għandhom permess regolari ta’ impjieg f’pajjiżna, issa ilha teskala għal dawn l-aħħar ġimgħat. L-Artiklu 120H tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati jistipula li “dan il-Kumitat għandu jittratta l-materji kollha marbuta mal-familja nkluża l-evalwazzjoni, l-analiżi u verifika tal-leġislazzjoni u politika preżenti u futura dwar il-familja”.

Għal dawn il-laqgħat għandhom jiġu mistiedna dawk l-uffiċjali kollha nvoluti kif ukoll persuni oħra li l-membri tal-Kumitat jidhrilhom li għandhom isejjħu. L-Oppożizzjoni għamlet din it-talba wara li segwiet din is-sitwazzjoni mill-viċin ħafna, fejn ħadet pożizzjoni kawtela u responsabbli bit-tama li s-sens komun u l-interess tat-tfal jipprevali, jidher però li ma mhux talli ma nstabitx soluzzjoni għal dawn it-tfal iżda għadhom qed jiffaċċjaw deportazzjoni minn pajjiżna b’riżultat ta’ applikazzjoni ta’ policy minn Identity Malta.

Claudio Grech jagħmel referenza għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, li ġie approvat fil-Parlament b’mod unanimu, li jistabbilixxi li “f’kull mument għandu jkun imħares, protett u mogħti l-aqwa prijorita’ l-aqwa interess tat-tfal” u għalhekk din tpoġġi responsabbiltà morali sabiex is-sitwazzjoni li qegħdin jgħaddu minnha dawn it-tfal tingħatalha l-importanza li jixirqilha. Il-Partit Nazzjonalista jemmen u jisħaq li t-tfal għandhom dritt għal-tfulija normali u serena, u għalhekk għandna l-obbligu li naraw li fl-ebda ħin ma’ nippermettu li l-liġijiet jkunu l-mezz ta’ preġudizzju għat-tfulija tagħhom stess.

Ikkummenta