Futbol Sport

Drinkwater b’self ma’ Aston Villa

(Ritratt: Aston Villa)

Il-midfielder Danny Drinkwater se jkompli l-istaġun ma’ Aston Villa wara li ngħaqad magħhom b’self sa tmiem l-istaġun mingħand Chelsea. Drinkwater lagħab għamel l-ewwel parti b’self ma’ Burnley iżda s-self spiċċa fis-6 ta’ Jannar u ma kienx imġedded wara li rari kien utilizzat.

Chelsea qablu li jkomplu jħallsu parti mis-salarju tiegħu. Hu mhux se jilgħab kontra l-eks tim tiegħu Leicester fl-ewwel leg tas-semifinali tal-League Cup. L-ewwel logħba tiegħu tista’ tkun kontra ċ-champions Manchester City il-Ħadd li ġej.

Il-manager ta’ Aston Villa Dean Smith qal li Drinkwater se jsaħħaħ it-tim tagħhom hekk kif hu plejer ta’ esperjenza wara li lagħab anki mat-tim nazzjonali Ingliż fil-passat. Għalkemm lagħab ftit, Aston Villa jinsabu konvinti li Drinkwater hu tajjeb għal-logħob u jkun sostitut denju ta’ John McGinn li għandu sa Marzu barra wara li weġġa’ l-għaksa.

Il-karriera ta’ Drinkwater inbidlet fi ftit żmien. Hu kien parti integrali mit-tim ta’ Leicester li rebaħ il-Premier League fl-istaġun 2015/16. Iżda wara li fis-sajf tal-2017 ingħaqad ma’ Chelsea għal kważi €40 miljun, Drinkwater naqas li jikseb post regolari.