“Fl-aħħar jiem kellmuni numru ta’ persuni jilmentaw dwar telefonati li rċevew u ġenwinament staqsewni kif id-data tagħhom spiċċat għand in-nies. X’inhi l-verità?”
Dan hu dak li kiteb f’post fuq Facebook il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista fid-dawl ta’ telefonati li saru minn nies allegatament imqabbda minn wieħed jew iż-żewġ kandidati fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista.
Ftit tal-jiem ilu, il-ġurnal Times of Malta ippubblika artiklu fejn żvela li Robert Abela, wieħed minn dawn iż-żewġ kandidati kien ressaq ilment formali fejn qal li nies mill-Ministeru tal-avversarju tiegħu, Chris Fearne, bgħabsu l-listi tan-nies li huma eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għal Mexxej Laburista.
Fil-post tiegħu, Debattista kompla jgħid li l-Kummissjoni Elettorali kienet għaddiet lista tan-nies eliġibbli li jivvutaw u dawk li setgħu jirregolarizzaw ruħhom sal-31 ta’ Diċembru, liż-żewġ kandidati.
Biex imbagħad xeħet ir-responsabbiltà ta’ dak li ġara fuq Fearne u Abela.
“Dawn iffirmaw dikjarazzjoni li daħlu responsabbli għal dik id-data. Il-passi li ħadet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward dejjem kienu f’rispett sħiħ lejn il-liġi tal Protezzjoni tad-Data.
Il-Partit Laburista qatt ma għadda u qatt mhu se jgħaddi d-data tal-membri lil xi kumpaniji terzi.”
Wara li t-Times żvelat dak li kien seħħ u li wassal biex Abela jressaq ilment formali quddiem il-Partit, kienet biss dikjarazzjoni xotta tal-Partit Laburista sigħat wara, li qalet li kien hemm “ċirkustanzi fil-proċess li kienu ġew indirizzati”… mingħajr ma ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Abela
Robert Abela baqa’ ma qalx jekk il-Partit kienx ħa xi tip ta’ azzjoni dwar l-allegazzjonijiet tiegħu jew jekk hu kienx sodifatt b’dak li sar f’dan ir-rigward.
Madankollu f’dibattiti bejn iż-żewġ kanditati li seħħew fl-aħħar jiem, kemm Fearne kif ukoll Abela ħadu l-opportunita biex jgħaddu botti dwar dak li kien seħħ.. u biex jippruvaw ipoġġu lil xulxin f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ.
//= $special ?>