Lokali

ESKLUSSIVA: Nikxfu WhatsApp chat tad-Delegati li fih il-provi tat-tbagħbis fl-elezzjoni tal-Lejber

Whatsapp chat bejn id-Delegati Laburisti jikkonferma li tal-klikka ta’ Fearne nqabdu jbagħbsu l-voti f’kamra magħluqa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Dan il-Whatsapp chat, ippublikat esklussivament minn NET News, jikkonferma l-ġlied kbir intern bejn Delegati Laburisti mill-klikek ta’ Fearne u ta’ Abela.

Duminku, wieħed mid-Delegati magħrufa sew fiċ-Ċentru Nazzjonali, kiteb lil Delegati oħra tal-partit biex jikkonferma li mill-klikka ta’ Fearne mhux biss kienu qed ibagħbsu fil-lista tal-votanti għal Mexxej ġdid is-Sibt li ġej, iżda wkoll li diġà kkapparraw il-Kwartieri.

L-istess Duminku jgħid li lil Joseph Muscat diġà ħadulu l-uffiċċju u li Michelle tinsab imbikkma. U dan kollu mill-istess klikka li ilha żmien taħdem minn wara dahar Joseph.

Alex Sciberras, iben l-eks Imħallef u Kandidat Laburista Philip Sciberras, li qed jimbotta biex jilħaq Fearne, wieġeb bħal donnu skantat b’li qed jiġri.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista, li dan l-aħħar daħal f’ħafna kontroversji, staqsa “Intom bis-serjetà? Sew qrajt Duminku?”.

Is-CEO tal-Lejber Randolph Debattista

Id-Deputat Laburista u Kontestant għat-tmexxija tal-Partit Robert Abela allega tbagħbis fil-proċess tal-elezzjoni għal Mexxej ġdid.

Robert Abela ppreżenta lment formali lill-Partit Laburista wara li fl-aħħar jum tal-2019, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tqajjem suspett li kien qed isir abbuż minn nies qrib ir-rivali tiegħu Chris Fearne.

Mill-ilment jirriżulta li dakinhar, uffiċċju fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ssakkar għall-ħabta tas-1pm biex iddaħħlu dettalji ta’ madwar 200 partitarju li kienu naqsu li jħallsu t-tessera fil-ħin u għaldaqstant ma kienux se jkunu eliġibbli jivvutaw is-Sibt li ġej.

L-ilment ta’ Abela qajjem dubji wkoll dwar jekk dan kienx inċident iżolat jew jekk kienx hemm aktar abbużi simili fil-jiem li għaddew.