Futbol Sport

Gudja United iħabbru żewġ akkwisti … jirritorna f’pajjiżna Bilbao Zarate

Gudja United għamlu l-ewwel passi fl-għan li jtejbu l-iskwadra tagħhom hekk kif ħabbru l-akkwisti ta’ Edison Bilbao Zarate u Nivaldo Rodrigues Ferreira.

Fil-karriera tiegħu, Nivaldo li għandu 31 sena, lagħab fil-Brażil, il-Każakistan, fir-Russja, il-Belarus u l-Użbekistan. Hu għandu l-għan li jsaħħaħ l-attakk ta’ Gudja li wara 13-il logħba fil-kampjonat, skorjaw 17-il gowl iżda l-aħjar skorer tagħhom hu Rundell Winchester bi tliet gowls biss.

Għal Zarate dan se jkun f’ritorn f’pajjiżna wara esperjenza qasira ma’ Santiago Morning fiċ-Ċili. Il-plejer ta’ 32 sena beda jilgħab fil-Kampjonat Premier fis-sajf tal-2012 meta lagħab għal staġun ma’ Qormi. L-istaġun ta’ wara hu kompla l-karriera fl-Istati Uniti ma’ New York Cosmos.

F’Jannar tal-2014, hu rritorna f’Malta biex ingħaqad ma’ Balzan u wara sentejn mal-klabb, f’nofs l-istaġun 2015/16 ingħaqad ma’ Birkirkara. Fis-sajf tal-2016, Zarate ffirma ma’ Għajnsielem u lagħab fil-kampjonat Għawdxi fl-istaġun 2016/17.

Fis-sajf tal-2017, il-midfielder ingħaqad ma’ Mosta iżda l-avventura tiegħu damet biss nofs staġun għaliex f’Jannar kompla l-karriera ma’ Gżira United, klabb li dam miegħu sas-sajf li għadda. L-esperjenza tiegħu mistennija tgħin lit-tim ta’ Josef Mansueto fit-tentattiv li jevita r-relegazzjoni.