Futbol Sport

Gżira United jikkonfermaw l-akkwist ta’ Domoraud

(Ritratt: Martin Agius)

Gżira United komplew bil-ħidma tagħhom biex isaħħu l-iskwadra għat-tieni parti tal-kampjonat hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Wilfried Domoraud li ffirma kuntratt ta’ sentejn. Hu jista’ jkun is-sostitut ta’ Jefferson de Assis li jista’ jħalli l-klabb wara offerta attraenti minn klabb f’Dubai.

L-attakkant beda l-esperjenza tiegħu f’pajjiżna f’Ottubru tal-2018 meta ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans. Fl-ewwel staġun tiegħu, il-Franċiż skorja seba’ gowls fil-kampjonat u għen lill-Ħamruniżi jispiċċaw il-kampjonat fir-raba’ post. F’dan l-istaġun, hu kien l-attakkant prinċipali tat-tim immexxi minn Manuele Blasi u fl-ewwel rawnd skorja erba’ gowls, b’doppjetta kontra Tarxien Rainbows u gowls kontra Sirens u Santa Lucia.

Il-Franċiż inħall mill-kuntratt tiegħu ma’ Ħamrun Spartans wara li skatta mekkaniżmu tal-FIFA li japplika għal plejers li jkun ilhom mill-inqas xahrejn ma jitħallsu dak dovut lilhom. Minkejja x-xoljiment tal-kuntratt tal-plejer, ma jfissirx li l-flus dovuti lilu nħafru. Anzi, jekk il-pagament jibqa’ ma jsirx, il-klabb jista’ jaffaċċja iktar sanzjonijiet.

Intant, Gżira jinsabu viċin ukoll l-akkwist tal-midfielder Marco Criaco u l-attakkant Ryan Darmanin. Iż-żewġ plejers saħansitra niżlu għat-taħriġ mal-Maroons iżda t-trasferimenti għadhom iridu jsiru uffiċjali minħabba li Ħamrun għandhom projbizzjoni fil-preżent.