Rugby Sport

Il-veteran Parisse se jirtira mit-tim nazzjonali Taljan f’wieħed mill-konfronti tas-Six Nations f’Ruma

(Ritratt: EPA)

Il-plejer Sergio Parisse se jkollu ċ-ċans li jirtira mit-tim nazzjonali Taljan quddiem il-pubbliku tiegħu hekk kif l-Italja tilgħab kontra l-Iskozja u l-Ingilterra fi Stadio Olimpico f’Ruma bħala parti mit-tournament tas-Six Nations. Parisse li għandu 36 sena, kellu karriera brillanti ta’ 18-il sena. Hu kien mistenni jirtira wasra t-Tazza tad-Dinja fil-Ġappun is-sena l-oħra iżda ġie mċaħħad mill-aħħar logħba wara li l-logħba tal-Italja kontra New Zealand, tħassret minħabba t-tifun Hagibis.

Parisse lagħab total ta’ 142 darba u jinsab biss wara l-captain ta’ Wales Alun Wyn Jones b’143 logħba u l-leġġenda ta’ New Zealand Richie McCaw b’148 logħba fil-klassifika ta’ kull żmien. Hu mhux se jkun qed jilgħab it-tournament sħiħ tas-Six Nations wara diskussjoni mal-kowċ temporanju Franco Smith. L-Italja tibda s-Six Nations fl-1 ta’ Frar kontra Wales qabel il-konfront kontra Franza ġimgħa wara. L-ewwel logħba fl-Italja tkun kontra l-Iskozja fit-22 ta’ Frar qabel jilqgħu lill-Ingliżi fl-aħħar logħba fl-14 ta’ Marzu.