Lokali

It-tesserati tal-Lejber jibdew jivvutaw

17,500 membru tal-Partit Laburista huma eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid u l-mexxej tal-Partit Laburista li se ssir nhar is-Sibt li ġej.

Għalkemm minn dalgħodu, beda l-early voting kemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun kif ukoll f’Għawdex.

Sa minn kmieni filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, deher id-Deputat Prim Ministru u kandidat Chris Fearne.

Qabel ma bdiet din it-tellieqa għal-leadership, kienu madwar 10,000 dawk eliġibbli li jivvutaw. Dan ifisser li fi ftit jiem biss, il-lista kważi rduppjat.

Se jkun hemm post wieħed f’kull distrett elettorali fejn it-tesserati Laburisti se jkunu jistgħu jivvutaw. Il-votazzjoni tibda fit-8 ta’ filgħodu u tibqa’ sejra sat-8 ta’ filgħaxija. Hekk kif jagħlqu l-postijiet ta’ votazzjoni, il-kaxxi jiġu trasportati lejn iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn hemmhekk se jkun qed isir l-għadd tal-voti.

Huwa mistenni li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu jitħabbar il-Mexxej ġdid tal-Partit Laburista.