Lokali Qorti

Jitressqu 22 minn 24 immigrant akkużati bir-rewwixta f’Ħal Safi

Huma 22 minn 24 immigrant arrestati, li tressqu quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq li ppresieda l-każ mixlijin li nhar it-Tnejn li għadda huma pparteċipaw f’rewwixta fil-barracks ta’ Ħal-Safi – limiti ta’ Ħal Kirkop.

L-akkużati kollha rġiel Afrikani li ġejjin mill-Alġerija, Chad, Ghana, Sudan, Guinea u Libja kienu ġew arrestati t-Tlieta filgħaxija u ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn ġew interrogati.

Ritratti: Martin Agius

Fil-Qorti ħareġ li r-rewwixta seħħet filgħaxija fejn numru ta’ Pulizija mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit u mill-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq ġew notifikati għall-ħabta tas-7:30pm u mill-ewwel marru fuq il-post.

Il-Pulizija kkonfermat li nstabu persuni b’wiċċom mgħammad ikissru filwaqt li ma bdewx jobdu l-ordnijiet tal-uffiċjali tad-Detenzjoni. Intqal li l-istess persuni bdew jaqilgħu knaten minn mal-bini u jwaddbu biċċiet minnom lejn l-uffiċjali, filwaqt li għamlu diversi ħsarat fid-dormitorji u l-kamra tal-uffiċjali tad-Detenzjoni.

L-irġiel ġew akkużati li nsulentaw, heddew u b’mod vjolenti rreżistew il-forzi tal-ordni, kif ukoll li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq ħames uffiċjali tad-detenzjoni. Ġew mixlijin ukoll li ħadu parti f’ġemgħa biex iwettqu ħsara u li naqqsu li ma jibqgħux f’ġemgħa meta ngħataw l-ordni.

Akkużi oħrajn jinkludu li għamlu patt biex jikkommettu reat, ħsara volontarja, li ddisturbaw il-paċi pubblika, ħeddew uffiċjali pubbliċi u li waddbu l-ġebel fuq propjetà privata.

L-irġiel li kienu assistiti minn żewġ interpreti, wieħed għal lingwa Arbija u l-ieħor għal lingwa Franċiża. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Yanika Bugeja, f’isem il-klijenti tagħha wieġbet li l-irġiel mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja minn naħa tad-difiża u nżammu kollha taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Camilleri mgħejjun mis-Supretendent Josric Mifsud.