Internazzjonali

L-Iran jirritalja: attakkati żewġ bażijiet Amerikani fl-Iraq

Żewġ bażijiet bi truppi Amerikani fl-Iraq intlaqtu minn missili sparati mill-Iran. L-istazzjon tal-istat Iranjan ħabbar li l-attakk twettaq bħala ritaljazzjoni għall-qtil tal-kmandant Qasem Soleimani f’Baghdad il-ġimgħa li għaddiet.

Id-Dipartiment tad-Difiża Amerikan ikkonferma li żewġ bażijiet, f’Irbil u f’Al Asad, intlaqtu minn madwar 12-il missila. Madanakollu għadhom ma nħarġux dettalji jekk kienx hemm xi vittmi fl-attakk. Fuq Twitter, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan Javed Zarif sostna li l-Iran ħa miżuri proporzjonati biex jiddefendi lilu nnifsu kontra bażijiet li minnhom seħħ l-attakk fuq ċittadini u uffiċjali għolja tiegħu. Tenna li pajjiżu mhux qed ifittex eskalazzjoni imma lest jiddefendi ruħu minn kull aggressjoni.

Min-naħa tiegħu, anki l-President Amerikan Donald Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn ikkonferma li sar attakk fuq żewġ bażijiet Amerikani iżda li kollox sew. Hu qal li għaddejjin estimi dwar ħsarat u jekk hemmx vittmi u li se jagħmel stqarrija iktar fid-dettall illum

L-attakk seħħ għall-ħabta tas-1.30 a.m. (11.30p.m. ħin ta’ Malta), ftit siegħat wara d-difna ta’ Qasem Soleimani. L-Istati Uniti bħalissa għandhom mal-5,000 truppi fl-Iraq.