Lokali Qorti

Mixlija li waqt li kienet fis-sakra ħebbet għall-Pulizija mara f’Paceville

Mara minn San Pawl il-Baħar spiċċat il-Qorti wara li allegatament waqt li kienet fis-sakra ħebbet għall-Pulizija mara u kkaġunatilha ġrieħi ħfief. Hija tressqet quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq u mixlija li wettqet dan ir-reat u reati oħra waqt li kienet Paceville.

Saida Agius Idy ta’ 42 sena ġiet mixlija wkoll li bi vjolenza rreżistiet l-arrest, insulentat uffiċjal pubbliku, li kisret il-paċi pubblika u li ma obdietx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Kienet mixlija wkoll li kellha fil-pusses tagħha sikkina mingħajr permess.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal fil-Qorti li l-mara li kienet fis-sakra sew kienet oriġinarjament twaqqfet mill-Pulizija wara nċident li seħħ ġewwa l-istabbiliment Footloose f’Paceville.

Sadanittant meta hija kienet qed tiġi meħuda fl-Għassa tal-Pulizija permezz ta’ vann, tilfet il-bilanċ u waqgħet għal darha. Uffiċjal tal-Pulizija femminili kienet qed iżommha biex ma taqax, iżda meta Agius ħasset lill-Pulizija żżommha biex ma taqax – din tagħta daqqa ta’ sieq, bil-Pulizija ġġarrab ġrieħi ħfief f’sieqha.

L-Ispettur Balzan Engerer qal ukoll fil-Qorti li l-mara kellha sikkina fil-baskett, u li ma ntużatx fil-ħin tal-inċident. Skont hi qalet li din kienet fil-baskett għax aktar qabel kienet qed tużaha biex tiekol tuffieħa.

L-Avukat Arthur Azzopardi, le deher għal Agius Idy, f’isem il-klijenta tiegħu ma ammettiex il-ħtija tal-akkużata, u għamel talba għal libertà proviżorja, fejn qal li l-inċident inqabad fuq is-CCTV u l-unika xhieda f’dan il-każ huma biss uffiċjali pubbliċi, għaldaqstant ma jistax ikun hemm kontaminazzjoni tal-provi.

L-Avukat Azzopardi qalu wkoll li l-mara konċernata diġa għamlet stqarrija mal-Pulizija. “Il-każ huwa wieħed serju, ma nistgħux nistaħbaw mninnu, iżda fiċ-ċirkostanzi l-ħelsien mill-arrest m’għandu jiġi miċħud,” argumenta l-avukat.

L-Ispettur Balzan Engerer qal li l-istqarrija li l-mara tagħat ma jorbotx mal-filmati tas-CCTV. “Ma rridx nagħti l-impressjoni li jekk xi ħadd iħebb għall-Pulizija mhuwiex reat gravi – iżda agħar minn hekk Agius Idy ma kkalmatx meta hija ġiet immanettjata fil-vann tal-Pulizija.

L-Avukat Azzopardi qal minn naħa tiegħu li l-mara tant kienet fis-sakra li lanqas biss tiftakar x’ġara, fejn saħansitra hija weġġgħet ukoll lilha nniffisha. “Dak il-ħin hija kienet taħt l-influwenza tax-xorb. Hija sitwazzjoni ta’ ‘Dr Jekyll and Mrs, Hyde’,” huwa qal fejn sostna li l-mara għandha bżonn l-għajnuna biex tindirizza l-problema tal-alkoħol.

Il-Qorti mponiet ordni ta’ protezzjoni għall-perjodu ta’ erba’ snin fil-konfront tal-Pulizija mara u laqgħet it-talba tal-libertà proviżorja fil-konfront ta’ Agius Idy f’każ ‘li huwa wieħed partikolari.’

Agius Idy kienet ordnata tħallas depożitu ta’ €1000 u tagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €4000. Kundizzjonijiet oħra li hija trid taderixxi fost oħrajn huma li tiffima fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa u li tirtira kmieni d-dar.