Futbol Sport

Mosta jagħlqu l-ewwel rawnd u jiftħu s-sena b’rebħa importanti

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MOSTA……………………… 1

GUDJA UNITED…………. 0

Mosta: A. Vella, D. Xuereb, T. Farrugia, P. Gusso, D. Bonnici, G. Aquilina, D. Brown, M. Muchardi, C. Ememe, W. Gomes, Z. Brincat

Gudja: J. Debono, Z. Cassar (N. Rodrigues Ferreira 66’), J. Bondin, J. Bolanos, A. Miranda, A. de Barros, M. Jimenez, L. Cremona, A. Friggieri, J. Brincat (G. Mensah 50’), R. Winchester (J. Grioli 85’)

Imwissija: T. Farrugia 53’, A. Vella 90’, Z. Brincat 91’ (M), L. Cremona 71’ (G)

Skorjaw: D. Xuereb 27’ (M)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Dexter Xuereb (Mosta)

BOV Plejer tal-logħba: Dexter Xuereb (Mosta)

Attendenza: 157

Mosta għalqu l-ewwel rawnd u fetħu s-sena l-ġdida bl-aħjar mod hekk kif għelbu lil Gudja United 1-0, tliet punti li għenuhom biex jitilgħu lejn nofs il-klassifika. Din il-logħba kellha tintlagħab fl-14 ta’ Diċembru li għadda iżda kienet posposta kawża tar-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin dakinhar u wassal biex fosthom għamel ħsara fit-tinda tas-Centenary Stadium.

Dawn it-tliet punti għal Mosta waslu wara erba’ telfiet konsekuttivi kontra Floriana, Balzan, Valletta u Gżira United. Il-kowċ Mark Miller se jkun kuntent ukoll li ma sofrewx gowl wara erba’ logħbiet li fihom sofrew 15-il gowl. Għal Gudja din kienet l-ewwel telfa wara erba’ riżultati utli li fihom kisbu 10 punti.

Okkażjoni fuq kull naħa fl-ewwel minuti tal-logħba. Xutt ta’ Matias Muchardi għal Mosta minn tarf il-kaxxa għadda ftit għoli u fuq in-naħa l-oħra, Rundell Winchester naqas li jikkonkludi kross ta’ Aidan Friggieri. Jonathan Debono salva f’darbtejn xutt ta’ Gabriel Aquilina u tliet minuti wara għal Gudja, Andreas Vella salva bl-għajnuna tal-mimduda x-xutt ta’ James Brincat.

Il-gowl li spiċċa biex iddeċieda l-konfront wasal fis-27 minuta meta DEXTER XUEREB tefa’ kross mid-distanza fil-kaxxa ta’ Gudja, bil-ballun ma jintlaqat minn ħadd u spiċċa għeleb lil Debono. Sa tmiem l-ewwel taqsima, Gudja kellhom okkażjonijiet minn Anderson de Barros u Juan Bolanos.

Ċans għal Mosta li jirduppjaw fit-52 minuta, bi kross ta’ Duane Bonnici jsib lil Weverton Gomes li ra d-daqqa ta’ ras tgħaddi fuq il-mimduda. Gudja fallew opportunità tajba li jġibu d-draw fit-78 minuta. Is-sostitut u debuttant Nivaldo Rodrigues irċieva mingħand Bolanos u avvanza fil-kaxxa, iżda b’Andreas Vella joħroġ biex jagħlaq l-ispazju, l-attakkant ra t-tentattiv jgħaddi barra.