Lokali

Muscat jgħid li hu “seren”

Fid-dell ta’ kampanja ta’ ħames ġimgħat mimlija argumenti bejn il-partitarji fil-fazzjonijiet ta’ Chris Fearne u Robert Abela – bit-tama li ż-żiemel tagħhom jirbaħ it-tellieqa u jieħu post Muscat – il-Prim Ministru u Mexxej uxxenti ħass li kellu jerġa’ jiddikjara kemm hu seren.

U dan minkejja li dan il-proċess tal-leadership kellu jinbeda ta’ malajr grazzi għar-riżenji minn nies qrib Muscat f’Kastilja u fil-Partit Laburista b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u diversi każijiet ta’ korruzzjoni.

Iżda minkejja li diġà ddikjara aktar minn darba li xtaq li t-tluq tiegħu kien f’ċirkostanzi aħjar, mal-Laburisti Muscat jitkellem mod ieħor. Fil-fatt, fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, hu tenna għal darba darbtejn kemm jinsab seren bħalissa.

Min-naħa l-oħra, ma naqasx milli jagħmel diversi referenzi għall-bżonn tal-għaqda fost il-partitarji Laburisti … propju għax konxju mill-fatt li l-partitarji Laburisti jinsabu maqsumin b’attakki kontinwi kontra xulxin.

Pereżempju, partitarji Laburisti ta’ Konrad Mizzi jinsabu bejn ħaltejn lil min se jivvutaw wara li kienu ilhom għadd ta’ snin jisimgħu qatta’ bla ħabel kontra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Madankollu, f’Robert Abela mhux jaraw alternattiva, anke minħabba li Abela kien maqdar diversi drabi t-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Barra minhekk, f’diversi okkażjonijiet rajna lil Fearne u lil Abela f’botta u risposta bejniethom biex jintogħġbu kemm jistgħu mal-partitarji Laburisti. Bħal f’Xarabank, fejn Fearne ftaħar li Tabib isalva l-ħajjiet u Abela qal li tajjeb li tkun Avukat biex tkun Prim Ministru – f’battuta ċara lejn xulxin. Iżda minkejja dan kollu, għal Muscat, il-Laburisti se jkunu qed jagħmlu għażla f’serenità.

Din l-elezzjoni qed issir ukoll fost l-uġigħ l-partitarji Labristi ġenwini, li raw kif Muscat baqa’ qatt ma ggverna għal Leġislatura sħiħa – erba’ snin fl-ewwel Leġislatura u sentejn u nofs f’din. U dan minkejja li kienu ilhom ftit anqas minn 25 sena jistennew Gvern Laburista li jagħmel Leġislatura sħiħa.

Iżda mbagħad, fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Muscat ħass li kellu jiftaħar bl-istorja tal-Partit. Hu pprova wkoll jaħbi l-passat vjolenti tas-snin 80 billi qal li l-istorja għandha tinkiteb mill-Partit Laburista.

Muscat qal li din hi l-ewwel darba fl-istorja riċenti tal-Partit Laburista li l-Mexxej se jkun elett b’elezzjoni waqt li l-Partit ikun fil-Gvern. Fil-fatt, fl-1984, Karmenu Mifsud Bonnici kien il-magħżul uniku tal-Perit Mintoff.

Mistoqsi dwar x’se jagħmel wara tmiem il-ġimgħa li ġej, il-Prim Ministru uxxenti qal li fil-jiem ta’ wara jħalli wkoll postu f’Kastilja għall-Mexxej magħżul is-Sibt. Madankollu, u minkejja li din il-kriżi politika fil-Gvern waslet minħabba fih, hu wiegħed li se jibqa’ attiv mas-suċċessur tiegħu.

Madankollu, hu qal li għall-ewwel se jagħmel ftit jiem għall-kwiet, fejn skont hu, m’aħniex se nisimgħu b’ aħbaru.