Sport Sport Ieħor

Nicholas Carabott jirbaħ it-trofew Vanguard tat-trap

Nicholas Carabott beda s-sena 2020 fuq nota pożittiva meta rebaħ it-trofew Vanguard tat-trap, f’kompetizzjoni li saret fis-Southern Shooting Club. Din kienet l-ewwel minn serje ta’ tmien avveniment ta’ tournament ġdid tat-trap li qed ikun organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Isparar.

Dawn se jsiru fis-Southern Shooting Club, il-Qormi Clay Shooting Club, ir-Ranges tal-Bidnija u ta’ Ta’ Kandja. Il-fażi finali ta’ dan it-tournament issir fil-11 ta’ Ottubru f’Ta’ Kandja. Emanuel Zammit u Stephen Vella spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Is-sitt tiraturi li kkontestaw il-finali kienu Michael Grech (41/50+2), Nicholas Carabott (41/50+1), Emanuel Zammit (40/50+1), Paul Gatt 40/50+0), Nico Sciberras (40/50+0) u Stephen Vella (39/50+2).

Nico Sciberras temm fis-sitt post wara li laqat 12-il plattina minn 25. Paul Gatt kien eliminat fir-rawnd ta’ wara, b’Michael Grech itemm fir-raba’ post. Stephen Vella laqat ħamsa minn ħamsa fir-raba’ rawnd, iżda spiċċa plattina bogħod minn Emanuel Zammit. Fil-finali, Nicholas Carabott laqat 9/10 kontra s-sitt plattini ta’ Zammit, biex ħareġ rebbieħ b’distakk ta’ ħames plattini.

Il-programm tat-trap tal-Federazzjoni Maltija jkompli s-Sibt 11 u l-Ħadd 12 ta’ Jannar, bl-ewwel selezzjoni tat-trap fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja.

L-ewwel tliet tiraturi fil-klassijiet rispettivi, għalqu ż-żewġ fażijiet ta’ kwalifikazzjoni b’dawn ir-riżultati:

Klassi A: Nicholas Carabott 41/50, Nico Sciberras 40/50 (Countback Rule), Emanuel Zammit  40/50

Klassi B: Michael Grech 41/50, Silvio Cassar 39/50, Christopher Farrugia 38/50

Klassi Ċ: Paul Gatt 40/50, George Grech 37/50, Joseph Cardona 36/50