Futbol Sport

Possibbiltà li Andreas Vella jħalli lil Mosta … Edward Herrera b’self ma’ Sirens

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-logħba ta’ Mosta kontra Gudja United setgħet kienet l-aħħar waħda għall-gowlkiper Andreas Vella hekk kif mistenni jħalli l-klabb. Il-paġna ta’ Replay fuq facebook irrappurtat li Vella qed jinteressa lil żewġ klabbs mill-Kampjonat Premier, bit-trasferiment mistenni jseħħ wara li Mosta jħabbru l-akkwist ta’ gowlkiper ta’ esperjenza. Vella li għandu 21 sena, kien għamel id-debutt ma’ Qormi u għal sitt xhur kien fuq il-kotba ta’ Birkirkara. Hu ngħaqad ma’ Mosta fl-2017 u kiseb post regolari fil-lasta Mostija.

Mosta akkwistaw lill-attakkant Amerikan ta’ 25 sena Christian Chaney li ffirma kuntratt ta’ sentejn. Chaney li għandu ċittadinanza Franċiża, riċentament kien qed jilgħab fl-Istati Uniti ma’ Fresno F.C. Fil-karriera tiegħu lagħab ukoll fl-Armenja u fil-Messiku.

Plejer ieħor li mistenni jingħaqad ma’ Mosta hu l-midfielder ta’ 21 sena Santiago Martinez Perlaza. Il-Kolombjan kien f’pajjiżna għal prova ma’ Floriana iżda ma nżammx. Riċentament iż-żagħżugħ kien mal-klabb mill-Messiku Tampico Madero.

GŻIRA – Il-plejer ta’ 30 sena Karl Pulo rritorna ma’ Gżira United hekk kif jidher li se jinżamm mill-klabb sa tmiem l-istaġun. Hu beda l-istaġun ma’ Senglea Athletic iżda ma kienx regolari. Pulo ilu jilgħab fil-Kampjonat Premier għal diversi snin b’esperjenzi ma’ Birkirkara, Tarxien Rainbows, Mosta, Gżira United, St. Andrews u l-istaġun li għadda ma’ Santa Lucia fl-Ewwel Diviżjoni.

SIRENS – Il-klabb ta’ Sirens laħaq ftehim ma’ Floriana biex jakkwista lil Edward Herrera b’self sal-aħħar tal-istaġun. Herrera ftit sab spazju fit-tim Furjaniż u din ir-raġuni kienet determinanti għalih biex jiċċaqlaq. Herrera li għandu 33 sena, fil-karriera tiegħu lagħab ukoll ma’ Melita, Pietà Hotspurs, Hibernians, Birkirkara u Floriana.

SLIEMA – Sliema Wanderers ippreżentaw lill-attakkant Federico Vasilchik. Il-plejer Arġentin ta’ 28 sena jilgħab f’pajjiżna għall-ewwel darba u sa issa dejjem lagħab f’pajjiżu. Dan hu t-tieni akkwist ta’ Sliema Wanderers dan ix-xahar wara li kisbu s-servizzi tal-eks Floriana u Gżira United Arthur Oyama.

VALLETTA – Antonio Monticelli ħalla lil Valletta wara sena mal-klabb. Il-midfielder Taljan ingħaqad ma’ Valletta f’Jannar li għadda iżda ftit li xejn sab spazju mat-tim Belti. Monticelli kien inġieb f’pajjiżna minn Floriana fl-istaġun 2015/16 u lagħab għal żewġ staġuni. Hu beda l-istaġun li għadda ma’ Ħamrun Spartans sakemm ingħaqad ma’ Valletta f’Jannar tas-sena l-oħra. Il-futur tiegħu jista’ jkun fit-Tieni Diviżjoni.

LIJA – L-attakkant ta’ 21 sena Russell Fenech temm l-avventura tiegħu ma’ Sirens. Hu laħaq ftehim mal-klabb u mistenni jingħaqad mat-tim tal-Ewwel Diviżjoni Lija Athletic. Fenech li hu prodott ta’ Valletta, ingħaqad ma’ Sirens b’self f’Jannar tas-sena l-oħra u kien parti mit-tim li kiseb il-promozzjoni. It-trasferiment tiegħu sar permanenti fis-sajf li għadda. F’dan l-istaġun hu sabha diffiċli biex ikun plejer regolari fl-iskwadra tal-kowċ Steve D’Amato.

Tags