Lokali

Prospero Grech lura Malta – il-Ħamis dikjarat jum ta’ luttu nazzjonali

It-tieni Kardinal Malti Prospero Grech beda jingħata l-Aħħar Tislima f’pajjiżna, hekk kif l-Erbgħa wasal Malta minn Ruma. Hemm, il-ġimgħa li għaddiet, hu nżamm għall-qima tal-pubbliku, filwaqt li saret purċissjoni u tqaddset Quddiesa fuq l-Artal tal-Katedra ta’ San Pietru.

Mal-wasla f’pajjiżna, il-katavru tal-Kardinal Grech ittieħed mill-ewwel fil-Birgu, fejn twieled u tgħammed. Fil-Pjazza, hu ntlaqa’ mill-Arċipriet, il-Kapitlu u l-Kleru tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz qabel ma mxew f’korteo lejn il-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz. Hemm tkanta t-Talb tal-Għasar.

Il-katavru ta’ Prospero Grech se jinżamm għal matul il-lejl fil-Kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark, fir-Rabat, hekk kif fis-6pm, fil-Parroċċa tal-Birgu se ssir Quddiesa b’suffraġju għal ruħu.

Il-Ħamis, il-katavru tal-Kardinal Grech se jinżamm għall-qima tal-pubbliku bejn id-9am u 12pm fil-Kappella tal-Kunvent Agostinjan, fejn wieħed jista’ wkoll jiffirma l-Ktieb tal-Kondoljanzi. F’12pm, il-Knejjes kollha f’Malta u f’Għawdex se jdoqqu mota funebri.

Fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina, it-tebut mistenni jasal għall-ħabta tas-1.40pm, hekk kif fis-2pm se ssir Quddiesa praesente cadavre, ippreseduta mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna. Hu se jkun akkumpanjat min-Nunzju Appostoliku għal Malta Monsinjur Alessandro D’Errico, mill-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech, mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea-Curmi u mill-Isqof Emeritus tad-Djoċesi Kenjana ta’ Garissa Monsinjur Pawlu Darmanin.

Min-naħa l-oħra, l-Ordni Agostinjan se jkun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali Patri Joseph Farrell u mill-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng, filwaqt li l-Provinċja Agostinjana Maltija se tkun rappreżentata fost l-oħrajn mill-Patri Provinċjal Leslie Gatt.

Magħhom se jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs, f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika, fejn il-Kardinal Grech għex għal aktar minn 60 sena. Wara l-Quddiesa, id-difna ssir f’forma privata.